Lokali

Yorgen Fenech iwiegeb mhux ħati; l-Ispettur Arnaud JIKKONFERMA li Keith Schembri “iffigura fl-investigazzjoni”

Preżenza qawwija ta' ġurnalisti barranin fl-awla tal-Maġistrat Audrey Demicoli

8:26pm – Fenech jittieħed direttament il-ħabs ta’ Kordin

8:24pm – Yorgen Fenech jinżamm arrestat wara li ma saritx talba għal-liberta’ proviżorja

8:20pm“Qatt ma għaġġilna daqshekk” – l-avukat Marion Camilleri

In-negozjant Yorgen Fenech b’rasu baxxuta fl-awla

8:18pm – l-Ispettur Keith Arnaud jikkonferma li ċ-Chief of Staff Keith Schembri “iffigura fl-investigazzjoni”; dan fuq mistoqsija tal-avukat Gianluca Caruana Curran.

Arnaud ġie mistoqsi wkoll jekk hemmx kawża sabiex hu jitneħħa mill-investigazzjoni. Iżda dwar dan, ma weġibx.

8:16pm – l-avukat Marion Camilleri innutat li għad hemm kawża għaddejja li se tinstema t-Tnejn

8:15pm – l-assi ta’ Yorgen Fenech ġew iffriżati

8:14pm – Peter Caruana Galizia jiffissa dirett f’għajnejn l-imputat

8:13pm – Yorgen Fenech iwieġeb mhux ħati

8:11pmakkużi: kompliċi ma’ terzi bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia; assoċja ruħu bil-għan li jagħmel delitt; irrenda ruħu kompliċi biex għamel splussiv; organizza għaqda ta’ nies biex isiru atti kriminali, possibilment anke barra minn Malta

8:10pm – id-difiża mhux tikkontesta l-arrest

8:07pm – il-Maġistrat Audrey Demicoli tidħol fl-awla

8:05pm – intant, ġurnalisti barranin jinsabu affaxxinati bl-iżviluppi li seħħew f’din il-ġimgħa u ma jistgħux jifhmu kif Keith Schembri ġie rilaxxat

8:03pm – jidħol fl-awla Yorgen Fenech; jasal ukoll l-Ispettur Keith Arnaud

8:02pm – jasal ukoll l-Avukat Ġenerali; l-awla hija ippakjata bin-nies inkluż media minn madwar id-dinja kollha

8pm – jasal fid-daħla ta’ wara tal-Qorti il-vann li bih ġie trasportat Yorgen Fenech lejn il-Qorti

7:57pm – dalwaqt jitwassal fil-Qorti n-negozjant Yorgen Fenech

7:53pm – jaslu t-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia – mument kommoventi fl-awla

7:43pm – il-każ se jinstema’ quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli

BĦALISSA: EDIZZJONI SPEĊJALI TA’ NET NEWS

7:38pm – qraba ta’ Daphne Caruana Galizia jinsabu fl-awla, fosthom il-ġenituri tal-ġurnalista assassinata

7:30pm – in-negozjant Yorgen Fenech mistenni jitressaq il-Qorti fit-8pm; hu kellu żewġ talbiet għal Maħfra Presidenzjali miċħuda, waħda minnhom wara laqgħa tal-Kabinett li damet 7 sigħat sħaħ

7:25pm – it-triq ta’ wara l-Qorti tinsab imblukkata miż-żewġ naħat; sigurta’ stretta

7:24pm – waqt li qed nistennew il-każ jibqa’ jinstema’, l-attenzjoni ta’ kulħadd mill-ġdid fuq Keith Schembri wara li llejla feġġ ritratt tiegħu flimkien mal-‘middleman’ Melvin Theuma f’Kastilja

7:18pm – diġa’ hemm preżenza kbira ta’ ġurnalisti u cameras barra l-Qorti

Il-Pulizija tressaq lin-negozjant Yorgen Fenech quddiem il-Qorti, biex jibda l-proċess ġudizzjarju fil-konfront tiegħu. Fenech hu msejjaħ il-Qorti għall-ħabta tat-8pm.

S’issa għadu mhux magħruf b’liema akkużi se jkun affaċċjat, għalkemm l-indikazzjonijiet juru li fost oħrajn se jkollu jiddefendi lilu nnifsu mill-akkuża tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-iżvilupp iseħħ wara li kien ilu jiġi nterrogat sa mill-20 ta’ Novembru meta ġie arrestat abbord yacht privat waqt li allegatament kien qed jipprova jaħrab.

Yorgen Fenech se jkun assistit mill-Avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.