Futbol Sport

FILMAT: Jake Galea b’ambizzjoni li jkun l-aqwa gowlkiper f’Malta

Stewart Said

Gowlkiper ta’ 23 sena li qed jilgħab il-ħames staġun konsekuttiv fil-Kampjonat Premier. Beda jixxuttja l-ballun ma’ Pembroke u wara diversi snin ma’ St. Andrews fejn anki għamel id-debutt mal-kbar, lagħab ukoll ma’ Ħamrun Spartans u fil-preżent hu gowlkiper ta’ Sliema Wanderers.

Galea jirrakkonta kif madwar erba’ xhur qabel għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier, hu kien għadu jagħmel operazzjoni fi spalltu. Hu kien għamel id-debutt mal-kbar ta’ St. Andrews fl-età ta’ 19-il sena, fl-20 ta’ Jannar tal-2016 fit-tieni rawnd tal-FA Trophy kontra Gżira United f’logħba li rebħu bil-penalties. Ftit jiem wara hu għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier. “Ovvjament kont nervuż ħafna. Il-kowċ qalli ħa nibda allavolja forsi ma kontx 100% ħabba spallti imma għidtlu nilgħab xorta jien, hemm se nkun.”

Il-karriera ta’ Jake Galea sa issa

Jake Galea għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier fl-24 ta’ Jannar tal-2016 fit-telfa ta’ 5-1 kontra Balzan. F’dak l-istaġun hu lagħab 16-il darba u anki ddefenda l-lasta ta’ St. Andrews fil-play-off kontra Senglea Athletic li huma rebħu 2-1. Fl-istaġun 2016/17, Galea kien il-gowlkiper regolari ta’ St. Andrews u lagħab total ta’ 31 logħba hekk kif it-tim tiegħu spiċċa fit-tmien post f’Kampjonat Premier ta’ 12-il tim.

Galea ħass li kellu jingħaqad ma’ tim akbar biex itejjeb il-potenzjal tiegħu. Wara diversi snin, hu ħalla lil St. Andrews biex ingħaqad ma’ Ħamrun Spartans. Hemm taħt it-tmexxija ta’ Jacques Scerri, kellu kompetizzjoni mal-Għawdxi Steve Sultana u tul l-istaġun alternaw posthom fil-lasta.

Hu lagħab 13-il logħba fil-kampjonat qabel waslet l-opportunità li jingħaqad ma’ Sliema Wanderers. Galea lagħab 18-il logħba ma’ Sliema fl-istaġun li għadda u tilef l-aħħar sitt logħbiet tal-kampjonat. F’dan l-istaġun hu lagħab l-ewwel seba’ logħbiet tal-kampjonat iżda fil-preżent jinsab riserva ta’ Entonio Elezaj.

Galea jissieħeb lil Ħamrun

Fis-sajf tal-2017, Galea ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans. “Ħassejt li Ħamrun kellhom il-potenzjal li jilagħbu biex jirbħu l-kampjonat u kienu kellmuni u għidt jien interessat.” Sfortunatament, l-esperjenza tiegħu damet staġun biss b’Galea jitkellem dwar x’kienet ir-raġuni prinċipali biex ħalla l-klabb. “Kien hemm xi tibdil fil-kowċing staff u fil-plejers ukoll. Kienu kellmuni Sliema u kif għidt jien dejjem inkun irrid nagħmel pass ‘l quddiem u aċċettajt.”

Għalkemm ma kienx regolari, Jake Galea jqis l-esperjenza ma’ Ħamrun bħala “sabiħa u produttiva”. F’dak l-istaġun hu kien qiegħed f’kompetizzjoni ma’ Steve Sultana li f’dak iż-żmien kien qed ikun imsejjaħ mat-tim nazzjonali.

L-esperjenza ma’ Sliema Wanderers

Fis-sajf tas-sena l-oħra, Jake Galea ngħaqad ma’ Sliema Wanderers hekk kif kien parti minn kampanja akkwisti pjuttost ambizzjuża. “Meta tkellimt l-ewwel darba ma’ Keith Perry, tkellimna fuq affarijiet għal futur. Dawn l-affarijiet jinteressawni ħafna, kont diġà naf xi plejers li kienu hawn diġà u ħassejt li hawn ħa jkun klabb tajjeb għalija personalment.

L-għan ta’ Sliema taħt it-tmexxija ta’ John Buttigieg, kien li jippruvaw jiksbu post fl-Ewropa. Iżda wara bidu pożittiv, mat-tkomplija tal-kampjonat naqqsu r-ritmu u spiċċaw biex temmew il-kampjonat fil-ħames post u kienu eliminati kmieni mill-FA Trophy. It-tieni parti tal-istaġun, it-tmexxija teknika kienet f’idejn Stefano Maccoppi u dan l-istaġun irritorna f’pajjiżna Alfonso Greco. Sliema kellhom bidu ħażin iżda l-aħħar żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Ħamrun Spartans u Santa Lucia, taw nifs lis-Slimiżi hekk kif sa issa dejjem kienu fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika.

Jake Galea tkellem dwar dan il-mument fit-tim Slimiż. “Problemi interni kull klabb ħa jkollu. Il-problemi nippruvaw inżommuhom interni u nsolvuhom bejnietna. It-taħriġ dejjem ikun ta’ livell għoli, il-kowċis qed jagħmlu xogħol tajjeb, il-plejers nippruvaw nagħmlu xogħol tajjeb u qed nagħmlu li nistgħu.” Galea beda l-istaġun bħala gowlkiper ta’ Sliema iżda fl-aħħar logħbiet kien riserva ta’ Entonio Elezaj li rritorna mat-tim Slimiż. Dan ma jdejjaqx lil Galea għaliex iħoss li bil-kompetizzjoni jikber bħala gowlkiper.

It-timijiet nazzjonali

Jake Galea kien jifforma parti mit-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ fosthom dak ta’ taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella. Sa issa għadu ma lagħab qatt mat-tim nazzjonali tal-kbar.

L-aħjar esperjenza tiegħu sa issa mat-timijiet nazzjonali, kienet il-logħba tas-Settembru li għadda fis-Centenary Stadium kontra l-Belġju. Għalkemm Malta sfat megħluba 4-0, Galea ħass li kellu logħba tajba u salva diversi drabi l-iskor milli jkompli jikber. “Niftakar li anki wara l-logħba ġie jkellimni l-kowċ tal-gowlkipers tagħhom u naħseb li dik għenitni għall-partiti ta’ wara.”

(Ritratt: Martin Agius)

Kurżitajiet dwar Jake Galea

Għalkemm Jake Galea hu gowlkiper promettenti, miegħi qasam il-ħsieb dwar ix-xewqa li jkun plejer. “Dejjem ridt inkun plejer, waqt it-training dejjem nieħu pjaċir nilgħab plejer. Imma nemmen li l-attributes li għandi jien, nista’ nilgħab aħjar gowlkiper milli plejer.”

Staqsejtu jekk hemmx xi plejer li dejqu kemm ilu jilgħab fil-Kampjonat Premier. “Xi naħseb tlieta jew erba’ snin ilu meta kien hemm Jhonnattann mal-Belt naħseb hu kien mhux ibbeżżagħni imma kont qisni nħossni naqra skomdu meta jiġi quddiemi bil-ballun.”

Jake Galea jitkellem b’ammirazzjoni lejn il-midfielder Ryan Fenech li fl-istaġun li għadda u l-bidu ta’ dan l-istaġun, lagħab miegħu fit-tim Slimiż. “Waqt it-training, waqt il-logħob, dejjem kien jgħini anki qabel it-training. Raġel ta’ prinċipji tajbin ħafna. Anqas nista’ nirringrazzjah tal-għajnuna li tani.

L-ambizzjonijiet ta’ Jake Galea

Għalkemm dan hu l-ħames staġun tiegħu fil-Kampjonat Premier, Jake Galea jemmen li għad għandu ħafna x’juri u jittama li fil-futur jissejjaħ mat-tim nazzjonali u jkollu karriera barra minn Malta.

“Nixtieq inkun l-aħjar f’Malta. Ovvjament nixtieq nilgħab barra minn Malta imma li nilgħab man-nazzjonal diġà jkun unur kbir għalija.” Fil-passat, Galea kellu provi fl-Iskozja u l-Ingilterra u jammetti li dawn l-aħħar sentejn, ma tantx prova biex isiefer. “Nixtieq li fiż-żmien qrib nagħmel il-pass biex immur barra minn Malta u naħseb li l-ħolma tiegħi ssir.”