Futbol Sport

FILMAT: Mario Muscat kuntent bil-ħolqien tan-nursery u l-progress fil-klabb ta’ Senglea Athletic

Id-Direttur Tekniku ta’ Senglea Athletic Mario Muscat saħaq li jinsab kuntent bil-progress li qed isir fil-klabb ta’ Senglea Athletic speċjalment bil-ħolqien tan-nursery fil-klabb. L-għan tagħhom hu li fil-futur il-klabb jibda jtella’ plejers żgħażagħ tiegħu li jilagħbu mat-tim ewlieni.

Għal Senglea dan hu t-tielet staġun fl-ogħla diviżjoni u issa jħossu li wasal iż-żmien li jkabbru l-klabb tagħhom. Hu fatt magħruf li fil-preżent hemm nuqqas ta’ tfal fil-Kottonera u għal xi żmien kien sar esperiment meta ngħaqdu n-nurseries tal-Kottonera flimkien, pjan li madankollu dam għal ftit snin.

Ftit ġimgħat ilu, il-klabb mill-Isla organizza Open Day fil-grawnd Corradino C f’Kordin. In-nursery hi taħt it-tmexxija tad-Direttur Tekniku Mario Muscat u l-Head Coach Davor Filipovic. Il-plejers barranin ta’ Senglea qed jassistu s-sessjonijiet ta’ taħriġ flimkien ma’ kollaborazzjoni ma’ FC International Leipzig. Id-dħul għal subien u bniet hu b’xejn.