Futbol Sport

Fiorentina jerġgħu jitilfu

(Ritratt: EPA)


Fiorentina sofrew it-tielet telfa konsekuttiva meta din id-darba kienu megħluba f’darhom 1-0 minn Lecce, b’tal-aħħar jiksbu riżultat ieħor pożittiv wara li kienu rkupraw żvantaġġ doppju kontra Cagliari ftit jiem ilu. ANDREA LA MANTIA ddeċieda l-konfront b’daqqa ta’ ras fid-49 minuta. Spekulazzjoni fil-media Taljana qed tirrapporta li l-kowċ Vincenzo Montella qed jissogra li jitkeċċa, b’Gennaro Gattuso qed jissemma li jista’ jkun sostitut.

Atalanta rritornaw għar-rebħa hekk kif għelbu lil Brescia 3-0 fi Stadio Rigamonti, b’tal-aħħar jibqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika. B’din ir-rebħa, Atalanta laħqu lil Cagliari fir-raba’ post filwaqt li Brescia issa sofrew it-tmien telfa konsekuttiva.

MARIO PASALIC fetaħ l-iskor fis-26 minuta b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira, bl-istess MARIO PASALIC jirdoppja fil-61 minuta bit-takkuna. JOSIP ILICIC issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem b’kontrattakk veloċi.

Torino kisbu rebħa importanti wara li għelbu lil Genoa 1-0 fi Stadio Marassi. Il-gowl deċiżiv wasal fis-77 minuta b’daqqa ta’ ras għar-rokna ta’ BREMER wara korner mil-lemin. Lejn it-tmiem tkeċċa għal Torino Simone Edera. Din ir-rebħa tpoġġi lil Torino f’nofs il-klassifika.