Formula 1 Sport

Hamilton se jibda l-aħħar Grand Prix tal-istaġun mill-ewwel post

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton għamel l-aħjar ħin ta’ 1:34.779 fil-provi uffiċjali fiċ-ċirkwit ta’ Yas Marina f’Abu Dhabi f’dik li hi s-sitt pole position konsekuttiva ta’ Mercedes f’dan iċ-ċirkwit. Din se tkun il-ħames darba li Hamilton se jibda l-Grand Prix l-ewwel fuq dan iċ-ċirkwit u hi l-ewwel pole position għalih mill-Grand Prix tal-Ġermanja f’Lulju

Is-sewwieq l-ieħor ta’ Mercedes Valtteri Bottas għamel it-tieni l-aħjar ħin ta’ 1:34.973 iżda se jkun Max Verstappen tar-Red Bull li se jibda ħdejn Hamilton, hekk kif il-Finlandiż għandu penalità.

Il-koppja ta’ Ferrari Charles Leclerc u Sebastian Vettel għamlu r-raba’ u l-ħames l-aħjar ħin u b’hekk se jibdew fit-tieni filliera. Huma kienu segwiti minn Alexander Albon ta’ Red Bull, Lando Norris ta’ McLaren, Daniel Ricciardo ta’ Renault, Carlos Sainz ta’ McLaren u Nico Hulkenberg ta’ Renault li komplew l-ewwel għaxra. Il-Grand Prix ta’ Abu Dhabi tibda għada fis-2.10pm.