Lokali

“Il-poplu Malti u Għawdxi stmat b’mod diżonest wara li ta lil Muscat il-fiduċja” – APAN

L-Assoċjazzjoni Pensjonanti, Anzjani Nazzjonalisti (APAN) bħal maġġoranza enormi tal-Maltin ta’ rieda tajba hija xxukkjata u rrabjata għall-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, b’mod mill-aktar diżonest u ingrat qed jistma lil dan il-poplu li f’żewġ elezzjonijiet wara xulxin tah fiduċja kbira biex imexxi pajjiżna bl-onestà u bil-ġustizzja.

Dan l-aġir ikrah ifakkar lill-anzjani Maltin u Għawdxin f’dawk il-ġranet koroh tal-istorja riċenti Maltija meta fl-1985 kien inqatel żagħżugħ bl-isem ta’ Raymond Caruana.  Dakinhar kien sar attentat biex jitfgħu l-ħtija fuq raġel għal kollox innoċenti.

L-operat tal-Prim Ministru, Joseph Muscat illum, li ħataf f’idejh kull istituzzjoni tal-poter u li ħatar lilu nnifsu bħala l-protagonista  ta’ dak kollu li qed jiġi żvelat dwar l-investigazzjonijiet li għaddejjin, iqajjem dubji serji dwar l-intenzjonijiet li ssir ġustizzja u li jfarrak kull tama biex tiġi distrutta x-xibka ta’ kriminalità u korruzzjoni li bħalha qatt ma kelna.

Għaldaqstant, l-APAN jingħaqad mas-soċjetà ċivili Maltija li qed tistenna lil Joseph Muscat jirriżenja minnufih minn Prim Ministru ħalli minfloku jinħatar xi ħadd li jkun jista’ jagħti nifs ġdid lill-pajjiżna sa tmiem din il-leġislatura li ninsabu fiha, u li jipprova jerġa jgħolli isem ta Malta.