Lokali

Il-Pulizija tkompli tieħu l-istqarrija uffiċjali fil-konfront ta’ Yorgen Fenech

L-Avukati tiegħu u tal-aħwa Degiorgio urtati dwar kif imxew l-affarijiet

Il-Pulizija kompliet tieħu l-istqarrija uffiċjali mingħand Yorgen Fenech meta huwa kien mitlub mill-Ispettur Keith Arnaud biex imur lura fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fid-9am. Meta l-istqarrija kollha tiġi mitmuma u l-Pulizija jkollha l-provi kollha, Fenech għandu jitressaq il-Qorti akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Sal-11am huwa kien qed jiġi interrogat fid-Depot, sakemm mar il-Qorti fejn instema r-rikors li għamel, u li ma ġiex milqugħ fuq dak li huwa kien qed isejjaħ “arrest illegali” wara li skont hu kienet qed tinkiser il-prassi tal-‘police bail’.

Illum stess il-Pulizija baqgħet tieħu l-isqarrija ta’ Yorgen Fenech wara li matul dawn l-aħħar 11-il ġurnata huwa kien qed jitkellem magħhom fuq il-każ, fejn anke talab biex jingħata l-proklama waqt li kien fid-Depot.

Il-fehma ġenerali fil-kurituri tal-Qorti qed tkun waħda komuni fejn il-mistoqsija hija għaliex ġew imwarraba persuni bħal Vincent Muscat, wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, meta kien hu li wassal lill-Pulizija għall-‘middleman’ Melvin Theuma – u dan aktar minn sena ilu.

Dak kollu li Fenech qal lill-uffiċjal investigatur, Keith Arnaud, ġie mistħarreġ.

L-Ispettur Keith Arnaud

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech u anke tal-aħwa Degiorgio, li huma tnejn mit-tliet irġiel li mixlijin bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iħossu li fil-konfront tal-klijenti tagħhom l-affarijiet ma sarux kif suppost.

Fil-każ dwar il- ‘police bail’ l-Avukat Mario Camilleri qalet li filwaqt li kien hemm provi konkreti fil-konfront ta’ persuni oħra, fosthom l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri – dan illum huwa bniedem meħlus’ –  hija ħassitha perplessa li fl-istqarrija, l-Pulizija qalet li m’hemmx provi, meta “provi hemm ħafna”. Hija tkellmet dwar il-mod kif qed jiġi miżmum u nterrogat il-klijent tagħha dwar reat, jista’ jwasslu għal għomor il-ħabs.

Bħalissa l-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qegħdin iqattgħu ħin twil fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jassistu lil Yorgen Fenech, li qed jistenna wkoll l-eżitu ta’ deċiżjoni mill-Imħallef Miriam Hayman li nhar it-Tnejn għandha tiddeċiedi jekk tilqax it-talba biex l-prim investigatur Keith Arnaud ma jibqax fil-każ.

L-Avukat Camilleri qalet fil-Qorti li ma tistax issir ġustizzja jekk l-Ispettur Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Yorgen Fenech. Dan huwa ħabib u għandu rabtiet ma’ persuna li wkoll kien taħt investigazzjoni u jekk Keith Arnaud ikompli jinvestiga lil Fenech, il-ġustizzja ma tkunx qed issir fis-serħan tal-moħħ.

Sadanittant l-Avukati ta’ Yorgen Fenech u tal-aħwa Degiorgio huma urtati għal mod kif ġew deċiżi l-affarijiet f’dan il-każ fejn jemmnu li l-kobba hija wisq imħabbla – u hemm ħafna mistoqsijiet fosthom dwar id-deċiżjoni fuq min kellha tingħata l-maħfra Presidenzjali.

Dwar dan kollu anke ġie ppreżentat rikors mill-aħwa George u Alfred Degiorgio quddiem il-Qorti Kriminali biex Melvin Theuma ma jixhidx fil-kumpilazzjoni dwar il-qtil. L-Avukat William Cuschieri, qed jgħid li l-Avukat Ġenerali kien jaf fuq din il-persuna [Theuma] għal aktar minn sena u qabel il-konklużjoni tal-kumpilazzjoni u lanqas kien biss bagħat għalih bħala xhud.  

Melvin Theuma