Lokali

ESKLUSSIVA: Imut it-tieni priġunier fl-Isptar; silenzju mill-Gvern

Miet fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar sigħat il-priġunier Wahid Ben Ali, li kien ġie rikoverat b’urġenza numru ta’ ġranet ilu flimkien mar-raġel ta’ 49 sena – ukoll priġunier – li anke hu miet fl-Isptar.

Dwar dawn iż-żewġt imwiet, sa issa kien hemm skiet totali mill-Gvern u mill-awtoritajiet tal-ħabs.

L-ewwel ħabsi li miet fl-isptar kien Francis Formosa, magħruf bħala il-Putatti.

Net News hu infurmat illi t-tieni ħabsi – dak li miet illum – huwa Tuneżin, li kien instab ħati bid-delitt ta’ erba’ persuni fi 18-il ġurnata. U għalhekk kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs.

F’Mejju tal-2016, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kienet ċaħditlu rikors Kostituzzjonali li fih ilmenta li nkissrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu.

Aktar żviluppi serji

Intant, fl-aħħar sigħat f’Mater Dei iddaħħal priġunier barrani li dalgħodu prova jneħħi ruħu b’idejh. Jidher illi malli ndunaw x’seħħ, Gwardjani tal-Ħabs intervjenew minnufih.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.