Lokali

Jeħtieġ ningħaqdu għall-futur tagħna

Iċ-ċirkustanzi li qed jaffaċċja l-pajjiż qed jaffetwaw b’mod negattiv lil kulħadd, xejn inqas liż-żgħażagħ. Ninsabu mħassbin dwar kif dan kollu qiegħed jaffettwa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, liema reputazzjoni hija l-pedament tal-futur tagħna. Iżda lil hinn mill-implikazzjonijijiet ekonomiċi u politiċi, huwa xokkanti ferm meta nikkunsidraw l-possibiltà li assassinju ta’ ġurnalista kien orkestrat minn dawk li jinsabu fl-ogħla kurituri tal-poter tal-pajjiż.

Din is-sitwazzjoni għandha mhux biss tħassibna u tirrabjana iżda tinċitana sabiex nieħdu azzjoni u nsemmgħu leħinna favur il-kawża tal-ġustizzja. Għalhekk, bħala Team Start, mhux biss ser ningħaqdu mal-protesta ta’ għada organizzata mis-soċjetà ċivili, iżda qed nħeġġu lillorganizazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jingħaqdu magħna f’din il-protesta. Jeħtieġ ningħaqdu mhux f’isem kulur jew partit, iżda f’isem iż-żgħażagħ Maltin li mhux jaċċettaw it-tkasbir ta’ Malta tagħna għall-benefiċċju tal-ftit madwar Joseph Muscat.