Lokali

L-akkużi fil-konfront ta’ Yorgen Fenech

Yorgen Fenech ta’ 38 sena residenti Portomaso, San Ġiljan ġie mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ippromova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali.

Li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, inkluż iżda mhux limitat għall-għoti ta’ informazzjoni jew ta’ mezzi materjali jew reklutaġġ ta’ membri ġodda, meta kien jaf l-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilità.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt.

Li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jagħmel delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Spetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Difiża l-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran. L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte ċivili għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.