Futbol Sport

Liverpool japprofittaw miż-żelqa ta’ Manchester City

(Ritratt: EPA)

Liverpool, il-leaders tal-Premier League, kisbu rebħa diffiċli f’darhom kontra Brighton and Hove Albion biex issa fetħu vantaġġ ta’ ħdax-il punt f’ras il-klassifika. Dan meta fil-logħba li ntlagħbet kmieni, iċ-champions Ingliżi, Manchester City tilfu żewġ punti prezzjużi fi draw ta’ 2-2, ma’ Newcastle United f’St. James’ Park.

B’din ir-rebħa, Liverpool irrepetew is-sensiela ta’ 31 logħba mingħajr telfa fl-ogħla kampjonat Ingliż li kienu rreġistraw bejn Mejju tal-1987 u Marzu tal-1988. Huma issa, għandhom 40 punt minn 14-il logħba, bis-Citizens ta’ Pep Guardiola jiksbu 29 mill-istess ammont ta’ logħob. Ir-Reds fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima b’gowls tad-difensur Virgil Van Dijk (fit-18 u l-24 minuta) iżda tmiem il-logħba żvolġiet f’waħda nervuża ferm għat-tim ta’ Jurgen Klopp wara li fis-77 minuta tkeċċielhom il-gowlkiper Alisson Becker wara li żamm il-ballun barra l-kaxxa l-kbira.

Brighton imbagħad naqqsu d-distakk b’gowl pjuttost stramb meta fis-77 minuta Lewis Dunk ittanta xortih bi free-kick baxx waqt li l-gowlkiper sostitut Adrian, kien qed jagħti l-istruzzjonijiet lid-difensuri li kienu qed jiffurmaw ‘ħajt’ quddiemu – u bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka. U wara li Liverpool kienu gawdew l-inizjattiva għal ħafna ħinijiet, l-aħħar minuti kienu kollha ta’ marka ‘Brighton’, b’Adrian, ħames minuti mit-tmiem, iwettaq save kbir fuq ix-xutt ta’ Aaron Mooy, biex salva r-rebħa prezzjuża għall-Merseysiders.

West Ham irritornaw għar-rebħ għall-ewwel darba wara seba’ logħbiet, bil-gowl ta’ Aaron Cresswell, fil-bidu tat-tieni taqsima, jiddeċiedi derby ta’ Londra missielta fi Stamford Bridge.

Il-gowl deċiżiv ta’ Cresswell wasal wara azzjoni personali tal-istess plejer fit-48 minuta li avvanza bil-ballun u fajjar xutt li ma ta l-ebda cans lill-gowlkiper Kepa Arrizabalaga. Chelsea ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda ma setgħux jippenetraw id-difiża tal-Hammers — bl-aħjar opportunitajiet jaqgħu f’saqajn Christian Pulisic li falla żewġ okkażjonijiet ideali.

Tottenham Hotspur kisbu t-tielet rebħa (3-2) minn daqstant logħbiet kemm ilhom taħt it-tmexxija tal-manager Josè Mourinho – għalkemm l-avversarji, Bournemouth, wettqu rimonta qalbiena fin-New White Hart Lane fejn irnexxielhom inaqqsu d-distakk darbtejn fl-aħħar ħinijiet. Din kienet anki t-tieni rebħa konsekuttiva għal Spurs f’dan il-kampjonat li tellgħethom fil-ħames post tal-Premier League.

Dele Alli kompla juri forma brillanti b’żewġ gowls, wieħed f’kull taqsima, u b’Moussa Sissoko ikabbar il-vantaġġ għal tlieta (69) permezz ta’ volley fuq il-kross ta’ Son. Minn dak il-ħin, Bournemouth żiedu fil-logħob u s-sostitut, Harry Wilson, naqqas id-distakk bi free-kick mill-isbaħ fit-73 minuta, iżda t-tieni gowl tiegħu, li wasal fis-sitt minuta tal-ħin miżjud, kien ftit wisq u tard wisq biex isalva punt għaċ-Cherries.

Crystal Palace għelbu lil Burnley f’Turf  Moor għall-ewwel rebħa tagħhom fil-Premier League wara sitt logħbiet. Wilfried Zaha poġġa lill-Eagles fil-vantaġġ eżatt qabel il-mistrieħ waqt li Jeffrey Schlupp għalaq kull diskors fit-78 minuta wara li kien daħal jilgħab bħala sostitut. L-aħjar opportunità għal Burnley waslet għand Chris Wood iżda dan spara banalment għoli minn quddiem il-gowlkiper Guaita.

Żewġ gowls skurjati tard minn Danny Ings fit-78 minuta u James Ward-Prowse fit-83 minuta sarrfu fi tliet punti importanti għal Southampton għall-ispejjeż ta’ Watford li sa dak il-ħin kienu qed igawdu vantaġġ minimu bil-gowl ta’ Sarr fl-24 minuta. Din kienet battalja bejn l-aħħar żewġ timijiet fil-klassifika u s-Saints, issa, inqalgħu xi ftit ‘il fuq għalkemm jibqgħu fiż-żona l-ħamra bi tnax il-punt. Sadanittant, Watford jibqgħu ankrati fl-aħħar post tal-Premier League b’rebħa waħda biss minn 14-il logħba.

Premier League

Illum: Burnley v Crystal Palace 0-2, Chelsea v West Ham 0-1, Liverpool v Brighton 2-1, Newcastle v Manchester City 2-2, Tottenham v Bournemouth 3-2, Southampton v Watford 2-1

Għada: Norwich v Arsenal 3.00pm, Wolves v Sheffield United 3.00pm, Leicester v Everton 5.30pm, Man United v Aston Villa 5.30pm