Lokali

Malta ma tistax tibda tirritorna għan-normalità jekk jibqa’ Muscat

“Pajjiżna ma jistax jibda jirritorna għan-normalità jekk fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja se jibqa’ Joseph Muscat iggranfat mas-siġġu tal-poter.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru qed toħloq instabbiltà kbira fuq pajjiżna, u li l-pożizzjoni tiegħu mhix aktar tenibbli. Dan għax l-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa istituzzjoni fundamentali għal pajjiżna u l-kapaċità tiegħu li jħares ir-reputazzjoni ta’ Malta ġiet kompromessa. Dan meta l-Prim Ministru kien qal li jrid jibqa’ fil-kariga biex jagħti stabbilità.

Adrian Delia qal li din sitwazzjoni li mhix aċċettabbli għax din l-inċertezza kollha qed tpoġġi l-ekonomija fil-periklu u l-impjiegi tal-ħaddiema f’riskju kbir. Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jokkupa l-kariga tiegħu għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu. Pajjiżna jinsab għaddej minn kriżi Kostituzzjonali u instituzzjonali meta qed tiġi kkalpestata s-separazzjoni tal-poteri u l-Gvern jibqa’ jirrifjuta għal bosta drabi li jagħmel dibattitu fil-Parlament u l-Prim Ministru ma għamilx stqarrija ministerjali dwar dak li ġara u li qed jiġri.

Il-Kap tal-PN qal li fl-istess waqt li ġie rilaxxat l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, li Joseph Muscat baqa’ jiddefendi sal-aħħar u rringrazzjah tax-xogħol li għamel, saret laqgħa urġenti tal-Kabinett tal-Ministri. Dakinhar f’Kastilja, l-membri tal-Kabinett kellhom l-opportunità li jieħdu l-aktar deċiżjoni onorabbli iżda ddeċidew li ma jieħdux ħadux azzjoni biex ikeċċu lil Joseph Muscat.

Adrian Delia qal li għalhekk hu reġa’ mar għand il-President biex għamel appell biex isir kull ħaġa li hija permessa bil-liġi biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata. Dan għaliex ma kull ġurnata li qed tgħaddi, qed tibqa’ ssofri u titmermer ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Huwa qal li bosta midja internazzjonali fosthom it-Times ta’ Londra diġà qegħda tiddeskrivi lil Malta bħala ‘An Island of Corruption‘ u l-Parlament Olandiż qed jistaqsi jekk għadux sigur li jafdaw lill-Gvern u s-servizzi sigrieti ta’ pajjiżna meta jaqsmu l-informazzjoni. Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tinħatt u se tispiċċa fix-xejn, kif qal ukoll il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li l-ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna dalwaqt se tkun irreparabbli.

Il-Kap tal-PN, Adrian Delia qal li s-sitwazzjoni qegħda tibqa’ tiggrava meta l-Qorti poġġiet lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-eks Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona taħt inkjesta Maġisterjali dwar il-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien fetaħ kawża separata biex dawn l-isptarijiet jirritornaw lura għand il-Maltin u l-Għawdxin. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tħares l-interess nazzjonali u tara l-passi kollha li tista’ tieħu fl-interess ta’ pajjiżna. Huwa qal li dan huwa mument li għandu jgħaqqadna u li l-Partit Nazzjonalista huwa l-għodda biex f’dan il-mument naħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna. Din hija sitwazzjoni li ma tistax tibqa’ għaddejja u l-Prim Ministru għandu jitlaq minnufih.