Lokali

MaltaToday tiżvela li Keith Schembri kien ilu jaf lil Melvin Theuma

Ritratt: MaltaToday

Il-ġurnal MaltaToday żvela r-ritratt li Yorgen Fenech qed juża fil-Qorti bħala prova li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kien jaf sew lil Melvin Theuma.

Dan tal-aħħar ingħata l-maħfra presidenzjali hekk kif iddikjara li lest jikxef diversi dettalji, fosthom dwar ħasil ta’ flus u fuq kollox l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ir-ritratt juri lil Keith Schembri jilqa’ lil Theuma f’Kastilja b’daħqa fuq wiċċu waqt li jippożaw quddiem ritratt li juri lil Keith Schembri ma’ Joseph Muscat wara l-elezzjoni tal-2013.

Saviour Balzan, li ppubblika dan ir-ritratt, iddikjara li dan ir-ritratt “jikkonferma dak li Schembri ilu jaħbi għal dan iż-żmien kollu: il-ħbiberija u l-intimità bejnu u wieħed mis-suspettati ewlenin fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

Minkejja dan kollu, jitfakkar kif Keith Schembri tħalla mill-Prim Ministru jibqa’ jattendi għal laqgħat tas-servizzi sigrieti minkejja li fihom kien qed jiġi diskuss il-permess biex jiġu segwiti t-telefonati ta’ żewġ persuni li kien jaf: Melvin Theuma u Yorgen Fenech.