Il-Pulizija stabbilixiet li r-raġel li l-Ġimgħa filgħaxija attakka numru ta’ persuni fuq il-London Bridge, sa riċenti kien il-ħabs wara li fl-2012 instab ħati fuq akkużi relatati mat-terroriżmu.
Madankollu Usman Khan, ta’ 28 sena, kien meħlus mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet. Hu kien inħeles mill-ħabs f’Diċembru tal-2018 bil-kundizzjoni li jilbes tag elettronika u jibqa’ jiġi segwit.
Hu nqatel mill-Pulizija. Madankollu dan mhux qabel laħaq qatel mara u raġel waqt li fera wkoll tlieta oħra, bil-Pulizija f’Londra qed iqisu l-attakk bħala wieħed terroristiku.
Dan ħoloq tensjoni u l-biża’ ma naqsitx fost ir-residenti u t-turisti fiż-żona. Net News tkellem ma’ ġurnalista ta’ dixxenzenza Maltija li tgħix u taħdem ġewwa Londra, Nicola Agius li qaltilna x’ġara waqt il-ħin tal-attakk.
“Eżatt kif kont sejra għal laqgħa mad-direttur daħal messaġġ li kien hemm inċident fuq il-London Bridge,” saħqet Nicola. “Ma konniex nafu x’qed jiġri eżatt, ħsiebna li seta’ kien hemm inċident tat-traffiku. Ma stajnix naraw eżatt x’qed jiġri mit-twieqi. B’hekk bqajna għaddejjin bix-xogħol normali tagħna. Waqt il-laqgħa ġejna avżati li ħadd ma seta’ joħroġ jew jidħol fil-bini.”
Minn naħa tagħha, Nicola qalet li ma kinitx f’stat ta’ paniku hekk kif fiha daħal l-istint ġurnalistiku.
“Ma kontx imbeżża, sempliċiment ridt inkun naf x’qed jiġri,” qalet bla tlaqliet Nicola.
Il-bini li kienet fih kien jinsab f’żona meqjusa bħala ta’ periklu u ma setgħux joħorġu qabel ħames sigħat wara l-attakk. Iżda wara li tħalliet toħroġ mill-bini bdiet tirrealizza x’ġara eżatt ftit passi bogħod minnha
“Meta smajt li nqatlu żewġ persuni inkwetajt,” stqarret Nicola. “Dalgħodu konna għadna fuq xokk.”
Iżda wara kollox tirrealizza li setgħet kienet hi, qraba jew ħbieb taghħa fost dawk feruti jew mejta.
“Meta tisma’ li żewġ persuni għadhom kemm mietu tirrealizza li faċilment stajt kont int, jew oħti, jew kuġinti u b’hekk tispiċċa mbeżża’,” esprimiet Nicola magħna.
Madanakollu, dan l-attakk ma ġiegħlix iħossha beżgħana.
“Jekk tħalli l-biża’ taffetwak tkun qed tħalli lit-terroristi jirbħu,” qalet Nicola. “Madanakollu, f’Londra m’aħnix hekk.”
Bħala komunità f’Londra, f’mumenti bħal dawn in-nies iktar jingħaqdu flimkien.
“Bħala ġurnalisti f’Londra ffokajna fuq il-kuraġġ ir-residenti ta’ Londra u anke l-pulizija li urew,” temmet tgħid Nicola.
Fost dawk f’Londra fil-ħin tal-attentat kien hemm ukoll il-kollega tagħna, Charlene Buttigieg Farrugia. Hi kienet madwar 10 minuti ‘l bogħod minn fejn sar l-attakk u tkellmet magħna dwar il-kommossjoni li nqalgħet.
“Kien hemm kommossjoni kbira,” qalet Charlene. “Il-karozzi tal-Pulizija bdew għaddejjin minn kullimkien, it-traffiku kien staġnat, u n-nies bdew jiġu iktar in-naħa tagħna hekk kif il-Pulizija bdiet tmexxihom in-naħa tagħna. In-nies dehru mhumiex komdi. Wara kollox ma tkunx taf jekk hux se ssir xi bomba fil-ħin li ġej.”
//= $special ?>