Futbol Sport

Manchester City jerġgħu jkunu miżmuma f’St. James’ Park

(Ritratt: EPA)

It-tamiet ta’ Manchester City li jiksbu t-tielet Premier League konsekuttiv komplew jisfaxxaw hekk kif kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Newcastle f’St. James’ Park. F’Jannar li għadda, City kienu megħluba 2-1 kontra Newcastle fl-istess stadium.

Manchester City fetħu l-iskor fit-22 minuta b’gowl ta’ Raheem Sterling li skorja b’xutt preċiż fin-naħa ta’ isfel tal-lemin għal dak li kien il-15-il gowl tal-istaġun. Reazzjoni immedjata minn Newcastle li ġabu d-draw tliet minuti wara, b’Almiron iqassam lejn Jetro Willems li għamel spazju għalih innifsu u skorja b’xutt fil-baxx.

It-tim ta’ Pep Guardiola ħaseb li skorja l-gowl tar-rebħa fit-82 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa ta’ Kevin de Bruyne. Iżda fit-88 minuta Newcastle ġabu d-draw bi free-kick mil-lemin ta’ Christian Atsu lejn Jonjo Shelvey li għeleb lil Ederson b’xutt għar-rokna minn barra l-kaxxa.