Lokali

‘Muscat għandu jirreżenja għall-interessi Ewropej ukoll’ – L-editorjal ta’ The Guardian

Ir-riżenja tal-Prim Ministru għandha tkun mill-aktar fis, hekk kif l-inkwiet kompla jikber fl-aħħar jiem.

Dan huwa wieħed mill-messaġġi prinċipali li ħareġ mill-editorjal ta’ The Guardian’.

Dan l-istess editorjal iddeskriva lil Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ segretezza. Mill-gazzetta rinomata ntqal ukoll illi ladarba s-Saltna ta’ Dritt f’pajjiżna tiġi kompromessa, il-korruzzjoni tista’ tinfirex għall-bqija tal-Ewropa dan hekk kif l-inkwiet li hawn Malta huwa inkwiet ukoll tal-Unjoni Ewropea.

L-influwenza tal-korruzzjoni faċilment tista’ tinfirex mal-bqija tal-Ewropa, bl-editorjal tfakkar li sa ftit ġimgħat ilu, kien il-Prim Ministru stess li ħaseb li kellu ċans li jkun il-President tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea bagħtet b’mod urġenti delegazzjoni biex tinvestiga dak li qed jiġri f’pajjiżna għaliex dak li qed jiġri f’Malta mhuwiex esklussiv għal Malta iżda jaffettwa lill-Unjoni Ewropea kollha.The Guardian żiedet tgħid illi fil-passat intużat il-proċedura tal-artiklu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, li bih ikunu jistgħu jinbdew sanzjonijiet bħalma ġara fil-Polonja u l-Ungerija. L-editorjal wissa li jekk l-investigazzjoni ma timxix hekk kif mistħoqq, dan ikun il-pass loġiku mill-Unjoni Ewropea, li jinbdew is-sanzjonijiet kontra pajjiżna.