Lokali

Priġunier ieħor jipprova jneħħi ħajtu – it-tielet wieħed f’ħamest ijiem

Priġunier ieħor, li hu barrani, jinsab rikoverat fl-Isptar Mater Dei wara li pprova jneħħi ruħu b’idejh waqt li kien fiċ-ċella tiegħu.

Net News jinsab infurmat li l-attentat seħħ kmieni dalgħodu, bil-gwardjani tal-ħabs li fortunatament innutaw b’dak li kien qed iseħħ u rnexxielhom iwaqqfuh.

Hu ttieħed b’urġenza lejn l-Isptar Mater Dei, bil-kundizzjoni tiegħu li mhix magħrufa, anke għaliex il-Gvern ma ta l-ebda informazzjoni dwar dan il-każ.

Waqt li fortunatament dan il-priġunier għadu ħaj, mhux l-istess jista’ jingħad għal żewġ persuni oħra li tilfu ħajjithom wara attentati fuq ħajjithom.

It-Tnejn li għadda, Francis Formosa ta’ 49 sena miet fl-Isptar Mater Dei wara li xorob kimika. L-istess għamel Wahid Ben Ali, li miet iktar kmieni llum wara li ġie rikoverat fl-istess lejl ta’ Formosa.