Lokali

Rikors minn Yorgen Fenech dwar kif qed jiġi trattat meta jingħata l-‘police bail’

Yorgen Fenech dalgħodu ppreżenta rikors fil-Qorti tal-Maġistrati dwar il-mod kif qed jiġi trattat mill-Pulizija meta jingħata l-‘police bail’ u fejn dak li qed isir lilu minn naħa tal-Pulizija, huwa ksur tad-drittijiet tiegħu.

Għaldaqstant qed jitlob lill-Qorti biex tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jingħata d-dritt li għandu, dak ta’ rilaxx mistħoqq.

Pemezz tal-Avukati tiegħu Marion Camilleri u Gianluca Caruana, Yorgen Fenech, li qed jiġi mplikat fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qed jagħid li huwa ġie arrestat diversi drabi u ngħata l-‘police bail’.

Qal li għall-ħabta tal-11.00am tal-bieraħ, għar-raba’ darba ġie rilaxxat bil-‘police bail’. Aktar tard huwa ġie kkuntattjat mill-uffiċjal investigatur sabiex imur lura fid-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, is-Sibt fid-9.00 am jiġifieri anqas minn 24 siegħa minn mindu ngħata l-ħelsien.

Huwa qal li t-tali rilaxx tiegħu mill-arrest, ma jikkostitwix rilaxx effettiv u ma jissodisfax il-prinċipji u d-drittijiet legali li għandu jgawdi minn persuna nvestigata u li sussegwentament tiġi rilaxxat bil-‘police bail’.

L-Avukati ta’ Yorgen Fenech għamlu wkoll dwar dan, referenza għal digriet li kien ingħata mill-Qorti tal-Maġistrati fl-4 ta’ Marzu, 1981, fejn kien ingħad li r-rilaxx mill-arrest huwa dritt li għandu jkun esegwit kif suppost kif sanċit mill-Kostituzzjoni.

Nhar il-Ġimgħa (il-bieraħ) Yorgen Fenech għamel ilment fil-Qorti tal-Maġistrati dwar il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu. L-ilment tiegħu kien jgħid li l-mod kif kien qed jiġi trattat mill-Pulizija ma kienx wieħed normali u skont fil-liġi.  

Il-każ instema’ mill-Maġistrat Victor Axiak fejn id-difiża qalet li għal diversi drabi huwa kien jingħata l-‘police bail’ u ftit wara jerġa’ jiġi arrestat, bil-liġi tgħid li għandu jkun hemm perjodu effettiv waqt il-ħelsien tiegħu.

Waqt il-każ kien qed jinstema tard il-Ġimgħa filgħaxija,’ l-Qorti riedet lil Yorgen Fenech biex ikun preżenti fl-awla peress li dan kien assenti.

Il-Maġistrat kien infurmat li Fenech kien telaq wara l-każ li kellu fil-mandat ta’ inibizzjoni li huwa ppreżenta aktar kmieni wara nofs inhar, bil-Qorti tgħid li hija kienet se tagħti siegħa ċans biex Yorgen Fenech imur il-Qorti ħalli jkun preżenti fl-ilment li għamel.

L-ilment twaqqa’ mill-avukati tiegħu minħabba li qalu li kien se jkun ta’ periklu għall-klijent tagħhom li jidħol il-Belt minħabba li kien hemm dimostrazzjoni mis-soċjetà ċivili u kien aħjar li l-każ jitwaqqa’.