Is-Sibt filgħodu, il-Moviment Graffitti organizza protesta paċifika li għaliha kien hemm preżenti dawk li jqisu ruħhom Soċjalisti, xellugin u progressivi f’Malta fid-dawl tas-sitwazzjoni li pajjiżna jinsab fih.
Dan sar bil-messaġġ ‘Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta’.
Il-folla kienet pjuttost numeruża, b’bosta kartelluni li jinkludu messaġġi fost oħrajn dwar is-sitwazzjoni preżenti u dwar il-politika tradizzjonali ta’ pajjiżna.
Andrè Callus, attivist tal-Moviment Graffitti, saħaq jgħid li permezz tal-protesta nħoloq spazju għal dawk tat-twemmin politiku Xellugi li jinsabu ddiżgustati b’dak li qed jiġri f’pajjiżna. Hu qal illi suppost il-Gvern Laburista iħaddan dawn il-valuri, iżda nesihom kollha. Iddeskriva s-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħala ħakma ta’ ftit li jaraw biss l-interessi tagħhom u lil ta’ madwarhom. Fi kliem ta’ inkoraġġiment, Callus appella għall-kuraġġ biex minflok Malta ta’ klikka jkollna Malta ġusta.
Malta ma tistax tibqa’ ostaġġ tal-klassi tan-negozjanti
Fost id-diskorsi tal-kelliema spikkaw appelli għal Malta aħjar, mingħajr polarizazzjoni assoluta ta’ bipartiżaniżmu. Issemmew il-valuri tal-ugwaljanza, għaqda fost oħrajn li suppost jissimbolizzaw Gvern Xellugi, li jekk toftoq is-sitwazzjoni sew, wieħed jinnota li dawn il-valuri xxejnu għalkollox.
Politika ta’ pjaċiri u loopholes li tħalli lok għall-korruzzjoni
Messaġġ ieħor li l-folla laqgħet, hija li hemm bżonn ta’ politika alternattiva, politika li tkun ekonomika, imma li telimina u xxejjen l-inugwaljanza minflok tkompli tħawwel u tkabbar dan.