Futbol Sport

Senglea jdawru telfa f’rebħa u jeliminaw lil Gżira United u Ħamrun javvanzaw kif mistenni

Rapporti: Rowen Camilleri

GŻIRA UNITED…………. 1

SENGLEA ATHLETIC…. 2

Gżira: J. Haber, F. Barbosa, G. Conti, Z. Scerri, R. Soares , A. Cohen, C.G. Baldacchino, H. Kone, A. Oyama, M. Davis, J. De Assis

Senglea: M. Farrugia, S. Olberkis, D. Debono, E. Sakyi, M. Micallef (J. Tanti 61’), G. Virano (L. Grech 72’), T. Marukawa (K. Pulo 86’), J. Texeira, S. Cipriott, M. Todorovic, M. Dias

Imwissija: R. Soares 42’, F. Barbosa 54’ (G) G. Virano 66’, E. Sakyi 66’, M. Dias 91’(S)

Skorjaw: Z. Scerri 56’ (G) J. Tanti 74’, L. Grech 83’ (S)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Edward Spiteri

Attendenza: 471

Senglea Athletic pattew għat-telfa li sofrew sitt ijiem ilu u eliminaw lil Gżira United mill-FA Trophy b’rebħa ta’ 2-1. Mil-logħba tal-kampjonat Giovanni Tedesco għamel żewġ bidliet fejn minflok Amadou Samb u Niki Muscat bdew il-partita Hamed Kone u Clifford Gatt Baldacchino, b’dan tal-aħħar qiegħed jiskonta sospensjoni ta’ 3 logħbiet fil-kampjonat.

Mario Muscat kellu tliet bidliet fejn minflok Anthony Curmi bejn il-lasta beda Matthew Farrugia filwaqt li Mirko Todorovic u Marcelo Dias bdew minflok Wilfried Zamble u Anderson Carneiro.

Fl-ewwel azzjoni tal-partita, wara seba’ minuti, kien Jefferson li ħarab mal-linja u wara li daħal fil-kaxxa x-xutt tiegħu għadda jħakkek mal-lasta. Hekk kif għal ħiniijet twal il-partita kienet nieqsa mill-azzjonijiet, fil-35 minuta Senglea marru viċin ferm li jiftħu l-iskor meta minn kross ta’ Marcelo Dias, Manolito Micallef ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-minduda, bil-ballun imur barra.

Gżira fetħu l-iskor fis-56 minuta meta Jefferson qassam lil ZACHARY SCERRI li minn barra l-kaxxa għeleb fil-baxx lil Farrugia. Fit-72 minuta Senglea kisbu l-gowl tad-draw meta minn kross ta’ Marcelo Dias, JAN TANTI kien żmarkat u x-xutt fil-baxx tiegħu spiċċa wara Haber.

Bil-logħba tibqa waħda bilanċjata, fit-80 minuta Gżira marru viċin li jmorru fil-vantaġġ meta Jefferson dar tajjeb ma’ Olberkis, prova xutt fil-baxx li ħabat mal-wieqfa. Senglea Athletic skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-83 minuta meta Taisei Marukawa tefa’ kross mix-xellug li sab lis-sostitut LEIGHTON GRECH li bir-ras tefa’ fix-xibka fost il-ferħ tal-partitarji Sengleani.

Ħamrun javvanzaw kif kien mistenni

TARXIEN RAINBOWS…….. 1

ĦAMRUN SPARTANS……… 2

Tarxien: R.Briffa, D. Mambouana, G. Camilleri, A. Andrejic, B. Muscat, S. Shaba (A. Tenorio 53’), M. Stanojevic, N. Portelli (T. Veronese 46’), M. Ciantar (D. Vassallo 71’), P. Kanzurov, D. Zerafa

Ħamrun: J. Debattista, T. Caruana, J. Soares, W. Domoraud (R. Darmanin 71’), C. Failla (M. Gauci 71’), N. Leone, S. Lagzir, M. Criaco (C. Cutajar 78’), K. Micallef, A. Capitelli, M. Cinquini

Imwissija: D. Mambouana 51’, D. Zerafa 66’ B. Muscat 74’ (T) M. Gauci 77’ (Ħ)

Skorjaw: W. Domoraud 4’, 27’ (Ħ), P. Kanzurov 83’ (T)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Theodore Zammit, Duncan Spencer

Kif mistenni Ħamrun Spartans għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 2-1 biex b’hekk avvanzaw għar-raba’ rawnd fejn jiltaqgħu kontra t-tim tal-Ewwel Diviżjoni Swieqi United.

Tarxien irreaġixxew tard wisq  u għalhekk ma kellomx ħin biżżejjed biex jisforzaw il-ħin barrani. Din kienet it-tieni telfa konsekuttiva minn mindu Demis Paul Scerri ħa t-tmexxija tat-tim f’idejh. Fil-kampjonat Tarxien kienu għadhom kif ġejjin min telfa oħra ta’ 3-0 kontra Birkirkara.

Żewġ bidliet mill-formazzjoni inizjali tal-partita kontra l-Istripes fejn minflok Marco Botta u Thomas Veronese bdew il-logħba Miguel Ciantar u Nevin Portelli. Ħamrun kienu ġejjin minn riżultat aktar pożittiv fejn kisbu draw ta’ mingħajr gowls kontra l-leaders tal-Kampjonat Floriana. Manuele Blasi kellu żewġ bidliet ukoll fejn bejn il-lasti beda Jean Claude Debattista minflok Manuel Bartolo u fid-difiża minflok il-Grieg Orestis Nikolopoulos, li jinsab imweġġa’ u mistenni jitlef il-kumplament tal-istaġun, beda Alessio Capitelli.

Erba’ minuti logħob u fl-ewwel azzjoni denja, Ħamrun fetħu l-iskor meta WILFRED DOMORAUD rċieva ballun mix-xellug u b’xutt sabiħ fl-arja għeleb għal kollox lil Briffa. Tarxien kellhom ċans wara kwarta logħob meta Miguel Ciantar ra l-free kick dirett tiegħu jiġi mdawwar f’korner minn Debattista. Fis-27 minuta, id-difensur ta’ Tarxien Mambouana waqqa lil Lagzir fil-kaxxa, b’Fyodor Zammit jordna l-penalty. Mill-11-il metru WILFRED DOMORAUD ma falliex biex skorja t-tieni gowl ta’ Ħamrun u tiegħu personali.

Ħamrun baqgħu jikkontrollaw il-logħba fit-tieni taqsima u fis-60 minuta l-aħjar plejer tal-logħba Wilfred Domoraud tilef iċ-ċans li jikseb tripletta meta wara li rċieva kross tajjeb fil-baxx minn Leone, minn quddiem Briffa il-Franċiż tefa’ l-ballun barra. Tarxien reġgħu daħlu fil-logħba fit-83 minuta meta PETAR KANZUROV irċieva pass mingħand Andrejic u minn qagħda angolata għeleb lil Debattista.