Lokali

“Setgħu qatlu lil xi ħadd; setgħu mietu n-nies” – esponenti Laburisti dwar il-protesti ta’ din il-ġimgħa

Fi kliem il-Ministru Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia, din il-ġimgħa quddiem il-Parlament “setgħu mietu n-nies”.

Huma għamlu din id-dikjarazzjoni meta kienu qed jitkellmu fuq Radju Malta fil-programm ta’ Andrew Azzopardi aktar kmieni dalgħodu, fejn sostnew ir-rabja tagħhom għall-fatt li n-nies qed jinżlu jipprotestaw fit-toroq.

Meta irreferew għad-dimostrazzjonijiet quddiem il-Parlament, kien evidenti fi kliemhom li dawn qed idejqu mhux ftit lid-deputati Laburisti. Dan għaliex il-pressjoni fuqhom qed tkompli teskala.

Iżda minflok indirizzaw il-problemi reali tal-Gvern u l-kriżi politika li ninsabu fiha, huma infexxew f’attakk fuq in-nies li qed jinżlu fit-toroq jipprotestaw. Tant illi Julia Farrugia qalet li fil-protesti li saru, id-dimostranti “setgħu qatlu lil xi ħadd”. Il-Ministru Michael Farrugia kien aktar dirett, u qal li kien hemm possibilta’ li jmutu n-nies.

Fil-programm, fejn kien hemm preżenti il-Ministru Carmelo Abela, l-esponenti tal-Gvern instemgħu frustrati meta affaċjati bid-domandi dwar il-laqgħa taħraq tal-Kabinett.

F’ħin minnhom, Julia Farrugia qalet “għaliex tridu jirriżenja l-Prim Ministru?” Iżda qalet ukoll li Schembri u Mizzi sewwa għamlu li rriżenjaw.

Aktar kmieni fl-istudios ta’ Radju Malta, ipparteċipaw f’din id-diskussjoni l-Viċi Kap tal-PN David Agius u d-deputat Nazzjonalista Therese Comofdini Cachia. Fost id-diversi punti li tqajjmu, David Agius kwota numru ta’ dokumenti żvelati mill-Panama Papers li juru r-rabtiet bejn Yorgen Fenech, il-kumpanija 17 Black u Kastilja. Bil-Viċi Kap tal-PN jgħid li l-Prim Ministru kien jaf b’dawn l-affarijiet li kienu għaddejin.

Comodini Cachia minn naħa tagħha qalet li l-pajjiż kollu bħalissa qed iħoss rabja lejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u hawn dieqa fost il-poplu – irrispettivament mill-alleanzi politiċi tal-individwi.