Lokali

TAL-BARRANI 33 SENA ILU: “Il-kuntest hu differenti imma s-sustanza l-istess”

Artiklu miktub mill-eks editur ta' il-mument Victor Camilleri

Bħal-lum 33 sena kien it-30 ta’ Novembru 1986. Lejlet dak il-jum infami, Malta kollha kienet għaddejja minn sigħat ta’ tensjoni u aspettattiva taħraq. U dan kollu għaliex? Sempliċiment għax il-Partit Nazzjonalista, imsaħħaħ b’sentenza tal-Qorti, kien sejjer għall-ewwel darba f’ħafna snin iż-Żejtun biex, kif kellu kull dritt jagħmel f’pajjiż suppost demokratiku, jorganizza mass meeting.

Niftakar b’diqa li sa minn 24 siegħa qabel kien beda jaslilna tagħrif li numru mdaqqas ta’ laburisti kienu qed jagħlqu u jimblokkaw it-toroq li jagħtu għaż-Żejtun b’kull tip ta’ materjal b’mod li ħadd ma seta’ jidħol u joħroġ f’din il-lokalità tant sabiħa. Wettqu dan quddiem il-Pulizija u membri tal-Armata, bl-akbar impunità. Rawhom, ħarsu lejhom għal darba darbtejn, dawru wiċċhom u telqu mnejn ġew.

L-attakk vjolenti fuq partitarji Nazzjonalisti

X’ġara 33 sena ilu fit-Triq tal-Barrani li tagħti għaż-Żejtun, kien li l-kriminali tal-politika ngħaqdu ma’ elementi kriminali oħra mill-hekk imsejħa ‘forzi tal-ordni’ biex jagħtu xebgħa liema bħalha lill-qalbiena nazzjonalisti li ħassewh id-dmir tagħhom li, għal darb’oħra, iqumu fuq saqajhom u jwieġbu: ‘Hawn jien’ għas-sejħa ta’ pajjiżhom.

Jekk inpoġġu dak li ġara f’Tal-Barrani fil-kuntest taż-żminijiet li konna għaddejjin minnhom, malajr nifhmu li l-issues kienu ħafna, u kollha kruċjali fil-ħajja ta’ pajjiż ħieles iżda nħoss li l-aktar rilevanti kien dak tal-impunità. Partitarji laburisti magħrufa – għalkemm f’Tal-Barrani xi wħud minnhom għattew wiċċhom – kienu wettqu atti vjolenti b’regolarità li tgħaġġbek iżda b’daqstant ieħor moħħ mistrieħ li ma kien se jiġrilhom xejn. Bir-raġun li kienu jaħsbu hekk għaliex fis-snin kollha ta’ Gvern Laburista mill-1971 sa dak iż-żmien fl-1986, kienu twettqu mijiet ta’ każi bħal dawn u l-Pulizija ta’ dak iż-żmien, QATT ma tellgħet lill-ħatja l-Qorti anke f’każi kbar bħat-tkissir tad-dar ta’ Fenech Adami, il-qerda tal-istamperija tat-Times, u l-attakk fuq il-Kurja fil-Furjana.

Il-PN ried imur iż-Żejtun biex juri lill-Maltin li minkejja dak kollu li kien ġarrab bħala riżultat ta’ dik il-vjolenza kontrih, ħadd ma kien se jxejjinlu r-rieda soda tiegħu li jiġġieled sal-aħħar kontra dik is-sitwazzjoni.

Tassew li fil-każ Tal-Barrani – iżda mhux biss – il-Partit Nazzjonalista għex fil-prattika dak li l-partitarji tiegħu jistqarru b’tant saħħa u fervur kull meta jkantaw l-innu tiegħu… demmna nċarċru għal-libertà. Kliem li ħareġ mill-pinna patrijottika ta’ Carmelo Mifsud Bonnici (Il-Gross) – missier il-President Emeritu Ugo, u n-nannu tad-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici.

Illum, 33 sena wara dak il-jum ta’ għajb għal-Labour, pajjiżna jerġa’ jinsab mifni minħabba l-mod li bih gvern ieħor hekk imsejjaħ laburista mmexxi minn Joseph Muscat, ħataf u ħonoq l-istituzzjonijiet kważi kollha. Għalkemm m’għadhiex tintuża vjolenza kontra l-avversarji, l-attakki fuq id-demokrazija huma aktar sottili iżda fl-istess ħin x’aktarx aktar effettivi. Nittama li minkejja li l-qrati tagħna kienu injettati b’demm aħmar daqs in-nar, huma jibqgħu reżiljenti kif kienu fl-1986. Minnhom se jkun jiddependi ħafna x’jiġri minn pajjiżna fis-snin li ġejjin.

U bħalma 33 sena ilu, il-Partit Nazzjonalista kien il-forza li jaggrega flimkien lil dawk kollha li ma kinux disposti jirrendu ’l-pajjiż f’idejn il-kriminali tal-politika, hekk illum erġajna ninsabu f’punt fejn il-Partit Nazzjonalista hu l-unika forza politika li jista’ jerġa’ joħroġ lill-pajjiż minn dan il-gwaj ġdid għal pajjiżna.

Tlieta u tletin sena ilu konna f’Tal-Barrani. Inġeddu llum id-determinazzjoni tagħna.