Lokali

TIBDA L-ĠIRJA: Jitlaqqa’ l-Uffiċċju Elettorali tal-Lejber

Net News jista’ jikkonferma li llum tlaqqa’ l-uffiċċju elettorali fi ħdan il-Partit Laburista, liema uffiċċju hu inkarigat mit-tmexxija tal-elezzjonijiet interni tal-Partit Laburista.

Fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa kien hemm punt fiss: ir-riżenja ta’ Joseph Muscat u t-tħejjija għal elezzjoni interna li hi ppjanata li ssir f’nofs Jannar, possibbilment fit-18 tax-xahar.

Din l-aħbar hi konferma oħra ta’ dak żvelat minn Net News ilbieraħ, jiġifieri li fil-laqgħa tal-Kabinett ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, Joseph Muscat tilef il-fiduċja tal-Kabinett tiegħu.

Sorsi interni fi ħdan il-Partit Laburista, li tkellmu ma’ Net News u kkonfermawlna din l-aħbar, spjegawlna wkoll li qed jippreparaw ukoll għall-possibbiltà ta’ iktar minn elezzjoni interna waħda.

Dan hekk kif hu ċar li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne, se jkun wieħed mill-kandidati għat-tmexxija.

Għalkemm Fearne mhux il-favorit ta’ Kastilja, hu l-favorit tal-Partit Laburista, tant li fil-jum tar-riżenja ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sospensjoni ta’ Chris Cardona, ħareġ minn Kastilja akkumpanjat mill-President u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

Minn din l-elezzjoni, u wara tibdil fl-istatut tal-Partit Laburista, se jkunu jistgħu jivvutaw it-tesserati. Din kienet bidla li l-Partit Laburista għamel fl-aħħar snin, iżda s’issa qatt ma uża.