Internazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea ġdida tibda l-mandat

Il-Kummissjoni Ewropea ġdida tibda l-mandat

Il-Kummissjoni Ewropea ġdida bdiet uffiċjalment il-mandat ta’ ħames snin taħt il-Presidenza ta’ Ursula von der Leyen, li hi l-ewwel mara li qed tokkupa l-ogħla kariga tal-Unjoni Ewropea.

Von der Leyen, l-eks Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja, li qed tilħaq minflok Jean-Claude Juncker, mistennija tagħti priorità lill-issue tal-bidliet fil-klima wara li hi fissret dan il-fenomenu bħala ‘kriżi immedjata’ għall-Ewropa u d-dinja.

Ursula von der Leyen, li trabbiet fi Brussell, anki qed titratta l-kwistjoni tal-Brexit bl-akbar serjetà u waqt id-diskors tagħha lid-deputati tal-Parlament Ewropew għamlitha ċara li ‘hi dejjem se tkun Remainer ( b’referenza għall-kunċett tas-sħubija fl-unjoni ta’ pajjiżi)’. Madankollu, von der Leyen qalet li l-Kummissjoni se tirrispetta d-deċiżjoni li jieħdu l-Britanniċi, filwaqt li tkompli tipproteġi lill-membri tal-UE.

Il-President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea ma kenitx lesta tispekula dwar l-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar fir-Renju Unit. Hi qalet li se tistenna sakemm il-poplu Britanniku jesprimi r-rieda tiegħu permezz tal-vot ‘imbagħad hi għandha tiltaqa’ mal-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit biex jiddiskutu l-passi li jmiss’.

Ir-rapporti, ilbieraħ, qalu li Ursula von der Leyen kienet qed tippjana biex tkellem lill-awtoritajiet taċ-Ċina dwar il-kampijiet fejn qed jinżammu magħluqin mijiet ta’ eluf tal-membri tal-komunità tal-Uighur, magħmulha mill-Musulmani etniċi.

Il-Kummissjoni Ewropea sservi bħala l-Eżekuttiv li jsarraf f’azzjoni l-politika li jaqblu dwarha l-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea.