Lokali

“Dawn mhumiex żminijiet normali u dak li qed iseħħ hu bla preċedent” – Il-President ta’ Malta

"F’dan il-mument irridu nuru l-maturità tas-soċjetà Maltija u s-saħħa tad-demokrazija"

Dawn mhumiex żminijiet normali u dak li qed iseħħ hu bla preċedent. Hu f’dan il-mument li rridu nuru l-maturità tas-soċjetà Maltija u s-saħħa tad-demokrazija. Stqarr dan il-President tar-Repubblika George Vella.

Matul l-aħħar ġimgħat, il-President, b’sogħba u bi preokkupazzjoni kbira, kien qed isegwi minuta b’minuta dak kollu li kien għaddej b’konnessjoni mal-investigazzjoni tal-każ tal-assassinju tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia u l-iżviluppi fil-qasam politiku.

F’diversi okkażjonijiet, matul dan il-perjodu, il-President kellu diskussjonijiet f’laqgħat kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Meta l-President intalab biex jagħti l-maħfra presidenzjali, aġixxa strettament kif titlob il-Kostituzzjoni, wara konsultazzjoni mal-Kummissarju tal-Pulizija, mal-Avukat Ġenerali kif ukoll pariri minn konsulenti privati.

Il-President żamm is-silenzju biex iħalli l-ġustizzja tieħu triqtha. Skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, il-poteri tal-President f’każi bħal dawn ma jmorrux aktar ’il bogħod minn hekk.  Issa li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia żviluppa sal-punt li tressqu aktar persuni quddiem il-Qrati akkużati b’dan il-qtil orribbli, il-President jisħaq li għandna nħallu l-organi tal-ġustizzja, il-Pulizija u l-Qrati jkomplu jagħmlu xogħolhom. 

F’dan l-istadju u in vista tal-fatt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar id-data tar-riżenja tiegħu, il-President iħoss li għandu l-ewwel u qabel kollox jappella għall-kalma f’pajjiżna. Il-President jappella li kull min għandu responsabbiltajiet istituzzjonali jew amministrattivi biex jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni u ma jħares lejn wiċċ ħadd.

Il-President jittama li ssir ġustizzja biex kull min kien involut f’dan l-att atroċi, li tefa’ tebgħa sewda fuq il-kuxjenza nazzjonali jieħu dak li ħaqqu. F’dan il-mument partikolari, il-President iħoss li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, imma jekk inżommu l-kalma u l-għaqda noħorġu minnhom bl-anqas dannu possibbli għas-soċjetà Maltija u għal pajjiżna.