Lokali

Id-deċiżjoni dwar il-proklama ta’ Yorgen Fenech għandha tiġi dikjarata nulla

"Ebda manuvri jew media stunts mhu se jnaqqsu xejn mill-fatt li l-organu li ddeċieda dwar il-maħfra Presidenzjali huwa l-Kabinett ta' Joseph Muscat, maħtur minn Joseph Muscat

Id-dritt għal smigħ xieraq fil-konfront tannegozjant Yorgen Fenech qed jiġi miksur, filwaqt li l-prinċipju tal-ġustizzja naturali qed jiġi serjament preġudikat.

Dan joħroġ minn rikors ġuramentat ta’ Yorgen Fenech kontra l-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija, u 12-il Ministru tal-Gvern.

Ir-rikors sar sabiex id-deċiżjoni meħuda mill-Kabinett nhar il-Ħamis bil-lejl meta ġiet miċħuda t-talba għal-Maħfra Presidenzjali tiġi dikjarata nulla u bla effett.

Appart hekk, l-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jitolbu lil Keith Schembri jixhed, kif ukoll talba biex jixhed it-tabib Adrian Vella – il-persuna li allegatament għadda nota mingħand Schembri biex Yorgen Fenech ma jikxfux.

Yorgen Fenech, il-persuna li qed jiġi akkużat bl-assassinju ta’ Caruana Galizia, lest li joffri informazzjoni fil-konfront tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat.

Ir-rikors qed jikkwota Artiklu 469A tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta li jsemmi ċirkostanzi fejn il-Qorti tista’ tistħarreġ l-operat tal-amministrazzjoni tal-Gvern.

Ir-rikors ifakkar li Fenech ġie kostrett jagħmel talba lill-Prim Ministru biex jixhed kontra “persuna mill-aktar qrib tiegħu”.

“Ebda ammont ta’ manuvri, media stunts u akrobaziji politiċi ma jnaqqsu xejn mill-fatt illi l-organu li ddeċieda dwar il-maħfra Presidenzjali huwa l-Kabinett ta’ Joseph Muscat, maħtur minn Joseph Muscat, li tiegħu Keith Schembri kien sa ftit ilu ċ-Chief of Staff; liema stat ta’ fatt jikser serjament id-dritt ta’ Fenech għal smigħ xieraq”.

L-avukati jsemmu wkoll lill-Kummissarju Laurence Cutajar, minħabba l-fatt li dan tpoġġa’ fil-kariga tiegħu direttament minn Joseph Muscat.

Ir-rikors isemmi kif il-prinċipju tal-ġustizzja naturali qed jiġi serjament preġudikat għaliex ma tistax tkun imħallef fil-każ tiegħek stess.