Bħala organizzazzjoni li tirrapreżenta l-vuċi ta’ persuni li qed jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali, ir-Richmond Foundation fi stqarrija saħqet li jinsabu serjament inkwetati dwar l-effett li l-klima li jinsab fiha l-pajjiż bħalissa, ta’ emozjonijiet intensi u inċertezza, qed ikollha fuq numru kbir ta’ persuni.
L-istqarrija tgħid li dawk l-istess strutturi, li s-soltu jiffurmaw parti integrali mill-istruttura ta’ stat stabbli u li joffri sigurtà, huma fil-lenti ta’ numru ta’ mistoqsijiet kemm lokalmenti kif ukoll internazzjonalment. Dan il-fatt qed iwassal lil diversi persuni biex iħossu li mhumiex protetti u jesperjenzaw nuqqas ta’ sigurtà. Dawk il-persuni li jemmnu fis-separazzjoni tal-poter, u li jgħożżu l-governanza tajba jinsabu tassew imħassba u mnikkta. Jemmnu li din is-sitwazzjoni jista’ jkollha impatt fit-tul fuq is-saħħa mentali f’Malta, u li qed tnaqqas l-attenzjoni mill-implementazzjoni ta’ policies u strateġiji intenzjonati li jisalvagwardjaw is-saħħa tal-poplu, inkluża l-iStrateġija dwar is-Saħħa Mentali li ġiet ippublikata riċentament.
Sabiex jitreġġa’ lura is-sens ta’ sigurtà u stabbiltà, il-ġustizzja għandha titħalla tieħu l-kors tagħha, u għandha tidher li qed tagħmel dan. Il-fiduċja hija essenzjali biex il-persuni jgawdu wellbeing u jkunu jistgħu jżommu relazzjonijiet b’saħħithom. Il-fiduċja fl-istituzzjonijiet li minnhom in-nies jistennew il-protezzjoni hija daqstant ieħor importanti.
Għaldaqstant nappellaw lill-oqsma kollha tal-politika, tal-gvern u tas-sigurtà biex pajjiżna jitreġġa’ lura għal sitwazzjoni ta’ normalità b’mod urġenti. Il-politiċi u l-uffiċjali pubbliċi li huma tassew impenjati lejn il-ġid komuni għandhom jieħdu pożizzjoni u jaraw li dan iseħħ b’mod immedjat.
//= $special ?>