Futbol Sport

Floriana ma jsibux wisq diffikultà kontra Melita u faċli wisq għal Mosta kontra Rabat

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapporti: George Cassar, Chris Cassar

FLORIANA………… 6

MELITA…………….. 1

Floriana: J. Spiteri, E. Herrera, J. Pisani, E. Ruiz (M. Garcia 75’), M. Beye, D. Venancio (B. Sciberras 46’), C. Borg, J. Busuttil, B. Paiber, T. Fonseca (T. Vella 46’), A. Caseres

Melita: L. Cauchi, K. Mohnani, D. Claridge, M. Cachia, J. Abela, M. Portelli, J.P. Attard (A.J. Sant 84’), C. Bajada, I. Zammit (F. Lufi 73’), A. Xuereb (L.R. Gatt 66’), N. Omondi

Skorjaw: A. Caseres 20’, 34’, T. Fonseca 39’, D. Venancio 45’ pen, B. Paiber 72’, C. Borg 74’ (F) J.P. Attard 48’ (M)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Paul Apap

Floriana kellhom kwalifikazzjoni faċli meta skurjaw sitt gowls lit-tim tat-Tieni Diviżjoni Melita biex avvanzaw għar-raba’ rawnd tal-FA Trophy.

Il-Greens skurjaw l-ewwel gowl fl-għoxrin minuta meta Tiago Fonseca ppersista fl-attakk bil-ballun jasal għand AUGUSTO CASERES li ma kellux diffikultà biex jiskorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Floriana. Il-Greens irduppjaw fl-34 minuta meta minn kross preċiż ta’ Jurgen Pisani, AUGUSTO CASERES reġa’ skorja mill-qrib b’daqqa ta’ ras.

L-attakkant Arġentin kien involut anki fit-tielet gowl Furjaniż meta ta pass preċiż lil TIAGO FONSECA li b’xi mod evita lill-gowlkiper u tefa’ f’lasta vojta. Fl-aħħar tal-ewwel taqsima r-referee Malcolm Spiteri ordna penalty favur Floriana wara fawl fil-kaxxa fuq Augusto Caseres. DIEGO VENANCIO skorja l-penalty u b’hekk il-Greens għalqu l-ewwel taqsima b’erba’ gowls minn fuq.

Melita fetħu t-tieni taqsima minn azzjoni ta’ korner li jkun komplut għal ġox-xibka minn ras il-captain JEAN PIERRE ATTARD. Fl-aħħar għoxrin minuta Floriana skurjaw żewġ gowls mid-distanza l-ewwel wieħed fit-72 minuta minn BRANDON PAIBER u ieħor żewġ minuti wara minn CLYDE BORG li qabad lill-gowlkiper barra minn postu biex skorja s-sitt gowl Furjaniż.

Xalata Mostija u kwalifikazzjoni faċli

RABAT AJAX…………. 0

MOSTA ………………… 7

Rabat: A. Zammit (L. Borg 68’), M. Borg, I. Micallef (D. Falzon 53’), J. Caruana (M. Spiteri 53’), L. Vella, A. Azzopardi, K. Muscat, A. Jimenez, K. Camilleri, S. Abela, Z. Tanti

Mosta: A. Vella, D. Nworah, W. Gomes (D. Bonnici 58’), D. Xuereb, K. Gatt, J. Diouf, T. Farrugia, D. Brown (C. Grech 58’), L. Villareal (N. Kotlov 81’), M. Muchardi, Z. Brincat

Imwissija: Z. Tanti 22’, J. Caruana 37’ (R)

Skorjaw: M. Muchardi 14’, Z. Brincat 27’, 49’, 80’, D. Xuereb 42’, J. Diouf 54’, 75’ (M)

Referee: Stefan Pace

Mosta kellhom kwalifikazzjoni mill-iktar faċli għar-raba’ rawnd tal-FA Trophy meta eliminaw lil Rabat f’logħba għal kollox mingħajr storja. Kif kien mistenni Mosta ħadu minn kmieni l-kontroll tal-logħba f’idejhom u fetħu l-iskor fl-14-il minuta meta minn kross ta’ Brincat, MATIAS MUCHARDI ikkontrolla tajjeb u minn pożizzjoni angolata għeleb lil Zammit.

Mosta komplew jattakkaw u kellhom diversi tentattivi oħra ta’ skor sakemm wasal it-tieni gowl fis-27 minuta meta minn kross ta’ Gomes, ZACHARY BRINCAT ikkontrolla tajjeb u għeleb lil Zammit b’xutt fil-baxx. Tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Mosta għamulhom tlieta b’azzjoni mibdija minn Gomes li żmarka lil DEXTER XUEREB li daħal tajjeb u spara fix-xibka.

Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Mosta għamluhom erbgħa, b’xutt mill-isbaħ ta’ ZACHARY BRINCAT li ħalla lill-gowlkiper Rabti jħares. Ħames minuti wara jasal anki l-ħames gowl fejn kien hemm xutt imblukkat mid-difiża bil-ballun jasal għand DIOUF li skorja b’xutt mill-ewwel. Kwarta mit-tmiem Mosta għaqqdu n-nofs tużżana meta DIOUF skorja mill-viċin b’daqqa ta’ ras. Fit-80 minuta ZACHARY BRINCAT għaqqad it-tripletta meta għeleb lis-sostitut gowlkier Borg għas-seba’ gowl Mosti.