Formula 1 Sport

Hamilton itemm l-istaġun b’rebħa dominanti f’Abu Dhabi

(Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton temm staġun ieħor ta’ suċċess bl-aħjar mod hekk kif iddomina l-Grand Prix ta’ Abu Dhabi biex kiseb il-11-il rebħa tal-istaġun. Din kienet il-50 rebħa fil-karriera li beda mill-pole position u baqa’ fl-ewwel post sar-rebħa. Aktar minn hekk, Mercedes baqgħu jirbħu f’dan iċ-ċirkwit u b’hekk rebħu kull edizzjoni mill-bidu tagħha fl-2014.

Max Verstappen prova jżomm il-pressjoni fil-bidu fuq Hamilton iżda spiċċa biex ikkuntenta bit-tieni post, qabel Charles Leclerc ta’ Ferrari li evita investigazzjoni wara t-tellieqa minħabba diskrepanza fil-fuel. Valtteri Bottas irkupra wara li beda t-tellieqa b’penalità u temm fir-raba’ post, anqas minn sekonda wara Leclerc. Sebastian Vettel qabeż lil Alexander Albon lejn it-tmiem u rnexxielu jtemm fil-ħames post.

Sergio Perez fuq Racing Point spiċċa fis-seba’ post jiġifieri l-aqwa mis-sitta l-kbar. Dan wara li qabeż fl-aħħar liż-żagħżugħ ta’ McLaren Lando Norris. Daniil Kvyat temm id-disa’ fuq Toro Rosso filwaqt li Carlos Sainz ukoll qabeż karozza fl-aħħar dawra biex kiseb l-aħħar punt, qabel Daniel Ricciardo ta’ Renault. B’hekk Sainz irnexxielu jispiċċa s-sitta fil-klassifika tas-sewwieqa.

Hamilton żamm postu fuq quddiem fil-ħruġ filwaqt li Leclerc wara tmien kantunieri rnexxielu jaqbeż lil Verstappen. Bidu tajjeb għal Kevin Magnussen li mill-14-il post għad-disa’ post filwaqt li Pierre Gasly kellu inċident ma’ Lance Stroll. Sa tmiem l-ewwel dawra, Valtteri Bottas tela’ fl-14-il post sa tmiem l-ewwel dawra.

Ferrari pruvaw strateġija differenti hekk kif daħħlu liż-żewġ sewwieqa tagħhom għal waqfa fit-13-il dawra. Leclerc mar tajjeb iżda Vettel kellu problemi fit-tyres ta’ quddiem u wara tax-xellug u rritorna fis-seba’ post. Hekk kif Hamilton baqa’ b’vantaġġ komdu, Verstappen deher li kellu xi problemi fil-brejkijiet iżda fit-32 dawra, hu qabeż lil Leclerc fit-tmien kantuniera. Ferrari reġgħu daħħlu liż-żewġ sewwieqa għat-tieni waqfa fid-39 dawra.

It-tnejn kienu waqfiet tajbin, b’Leclerc jipprova jagħmel assedju fl-aħħar 16-il dawra fuq it-tyres rotob filwaqt li Vettel kellu t-tyres medji u rritorna fis-sitt post wara Albon u Bottas. Il-Finlandiż tal-Mercedes qabeż lil Albon fl-40 dawra. Hamilton baqa’ jikkontrolla biex kiseb il-11-il rebħa tal-istaġun filwaqt li Verstappen baqa’ qabel Leclerc. B’hekk hekk fi tmiem l-istaġun, it-timijiet kollha jiżnu dak li jkunu għamlu tul is-sena u jmorru lura fil-fabbrika tagħhom biex fi Frar li ġej jerġgħu jippreparaw f’Katalunja għat-testijiet ta’ qabel l-istaġun.

Kif Spiċċaw: 1. Lewis Hamilton (1:34:05.715), 2. Max Verstappen (+16.772s), 3. Charles Leclerc (+43.435s), 4. Valtteri Bottas (+44.379s), 5. Sebastian Vettel (+64.357s), 6. Alexander Albon (+69.205s), 7. Sergio Perez (+dawra), 8. Lando Norris (+dawra), 9. Daniil Kvyat (+dawra), 10. Carlos Sainz (+dawra), 11. Daniel Ricciardo (+dawra), 12. Nico Hulkenberg (+dawra), 13. Kimi Räikkönen (+dawra), 14. Kevin Magnussen (+dawra), 15. Romain Grosjean (+dawra), 16. Antonio Giovinazzi (+dawra), 17. George Russell (+dawra), 18. Pierre Gasly (+2 dawriet), 19. Robert Kubica (+2 dawriet)Ma kklassifikax: Lance Stroll

Klassifika Finali tas-Sewwieqa: 1. Lewis Hamilton 413 punt, 2. Valtteri Bottas 326 punt, 3. Max Verstappen 278 punt, 4. Charles Leclerc 264 punt, 5. Sebastian Vettel 240 punt, 6. Carlos Sainz 96 punt, 7. Pierre Gasly 95 punt, 8. Alexander Albon 92 punt, 9. Daniel Ricciardo 54 punt, 10. Sergio Perez 52 punt, 11. Lando Norris 49 punt, 12. Kimi Räikkönen 43 punt, 13. Daniil Kvyat 37 punt, 14. Nico Hulkenberg 37 punt, 15. Lance Stroll 21 punt, 16. Kevin Magnussen 20 punt, 17. Antonio Giovinazzi 14-il punt, 18. Romain Grosjean 8 punti, 19. Robert Kubica punt, 20. George Russell 0 punti

Klassifika Finali tal-Kostrutturi: 1. Mercedes 739 punt, 2. Ferrari 504 punt, 3. Red Bull 417 punt, 4. Mclaren 145 punt, 5. Renault 91 punt, 6. Toro Rosso 85 punt, 7. Racing Point 73 punt, 8. Alfa Romeo 57 punt, 9. Haas 28 punt, 10. Williams punt