Internazzjonali

Hong Kong: Protesti ġodda fost l-isparar tal-gass tad-dmugħ

Il-Pulizija f’Hong Kong sparaw il-gass tad-dmugħ biex iferrxu eluf ta’ dimostranti li mill-ġdid ħarġu jipprovestaw kontra l-Gvern. L-inċidenti segwew perjodu ta’ kwiet relattiv, bid-dimostranti fit-toroq jingħaqdu bħala gruppi fost l-għajjat ta’ slogans favur ‘Hong Kong ħieles’ u għal ‘rivoluzzjoni għal dawn iż-żmenijiet’.

Il-protesta fid-distrett kummerċjali attiva ta’ Tsim Sha Tsui saret wara li mijiet ta’ nies kienu mxew għal quddiem il-konsulat tal-Istati Uniti biex jesprimu ‘ringrazzjament’ għall-appoġġ li qegħdin juru l-Amerikani għal dawn id-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija li ilhom għaddejjin għal sitt xhur f’Hong Kong.

Il-ħwienet fiz-zona kellhom jagħlqu kmieni waqt li l-pulizija sparaw il-gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti – fosthom residenti anzjani – li kienu mexjin qrib il-waterfront ta’ Kowloon, iz-zona famuża għal-lukandi lussużi u kumplessi kummerċjali.

Intant, il-pulizija wettqu numru ta’ arresti, b’mijiet ta’ nies jaħarbu fid-direzzjoni tal-port biex ma jinħakmux mill-effetti tal-gass tad-dmugħ.

Qabel l-inċidenti, Hong Kong – l-eks kolonja Britannika u llum hub finanzjarju ewlieni – kienet kalma għal diversi jiem u mindu l-kandidati favur id-demokrazija kisbu rebħa kbira l-elezzjonijiet lokali tal-24 ta’ Novembru.

Fl-istess ħin, l-attivisti favur id-demokrazija huma determinati li jkompli jagħtu spinta lill-moviment kontra l-Gvern ta’ Hong Kong li jwieġeb direttament lill-awtorità komunista ewlenija taċ-Ċina. Dan meta l-protesti li ilhom għaddejjin għal xhur f’Hong Kong wasslu għall-għeluq ta’ uffiċini tal-Gvern, flimkien ma’ diversi uffiċini u skejjel u – anki – l-ajruport internazzjonali.

Ikkummenta