Hekk kif tkompli tirranka l-kriżi li ħakmet il-Gvern ta’ Joseph Muscat, wieħed mill-aħħar deals li għamel Konrad Mizzi wara li nhar it-Tlieta irriżenja minn Ministru jinsab taħt il-lenti.
Il-ġurnal Ingliż The Sun jirrapporta li d-deal ta’ Konrad Mizzi mal-klabb tal-football Manchester United qed ikun taħt il-lenti.
The Sun jirrapporta kif Konrad Mizzi kien wieħed minn żewġ esponenti ewlenin fil-Gvern tal-PM Joseph Muscat li din il-ġimgħa irriżenja b’rabta mal-aħħar żviluppi marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017 u li Mizzi kien mexxa d-delegazzjoni Maltija f’Settembru li għadda li ffirmat id-deal sabiex Manchester United jipprova lil Malta bħala destinazzjoni turistika uffiċjali tal-club.
Il-ġurnal Ingliż ikompli li l-ftehim kien diġa’ ħoloq kontroversja minnu nnifsu hekk kif Mizzi ċaħad allegazzjonijiet li dan id-deal sewa €20 miljun lit-taxpayers.
Issa, inqas minn xahrejn wara, l-iskrutinju fuq dan il-ftehim qed jieħu dimensjoni ġdida hekk kif l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia issarrfet fi skandlu heżżeż il-Gvern ta’ Muscat, b’riżenji ta’ Ministru, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, sospensjoni ta’ Ministru ieħor u pressjoni dejjem tikber għar-riżenja ta’ Muscat innifsu.
//= $special ?>