Lokali

“Il-passjoni għall-arti bdiet minn età żgħira”

Kamra mimlija kuluri b’14-il pittura li jinsabu f’esebizzjoni waħda mtella’ minn artista b’dedikazzjoni liema bħalha.

Judith Dingli, artista ta’ 52 sena dejjem kellha f’qalbha l-arti … liema passjoni ġabitha mingħand missierha li wkoll kien artist.

Judith qasmet ma’ Net News kif bdiet tesperimenta bil-kuluri u l-arti.

Ta’ 16-il sena, hi kkompitiet f’isem Malta ġewwa l-Finlandja u rebħet medaljata tad-deheb fost 57 pajjiż ieħor. Sfortunatament, fis-snin tmenin l-arti ma kinitx xi ħaġa apprezzata u b’hekk bħallikieku ma kienet rebħet xejn.

Fis-snin ta’ wara, Judith baqgħet tikkompeti f’diversi kompetizzjonijiet tal-arti lokali iżda ma kienx qabel seba’ snin ilu li bħala mezz biex tfakkar lil missierha li kienet għadha kemm tilfitu, bdiet kors fuq l-arti.

U llum il-ġurnata, Judith qed tesebixxi l-arti tagħha fit-tmien esebizzjoni f’pajjiżna. Hi qalet ma’ Net News xi tfisser għaliha din l-esebizzjoni … bl-isem ta’ Feast of Colours.

Iżda wara kollox, kull esebizzjoni tikkonsisti f’ħafna xogħol, b’mod speċjali għax tirrekjedi li l-pitturi jsiru mill-bidu nett skont it-tema.

Iżda  kif tittama li jkun il-futur tagħha fl-arti?

L-esebizzjoni ttellgħet fit-30 ta’ Novembru fil-mużew tas-santwarju f’Ħaż-Żabbar.