Inter reġgħu jinsabu fil-kmand tal-klassifika għall-ewwel darba minn qabel il-konfront dirett wara li ċ-champions Juventus kienu miżmuma minn Sassuolo. Lazio saħħew it-tielet post filwaqt li Milan kisbu rebħa importanti f’Parma. Aktar problemi għal Carlo Ancelotti u Napoli wara telfa kontra Bologna li biha jinsabu 10 punt taħt it-tielet post.
TURIN – Juventus sfaw miżmuma minn Sassuolo 2-2 fl-Allianz Stadium. Kien LEONARDO BONUCCI li fetaħ l-iskor fl-20 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa, iżda JEREMIE BOGA ġab id-draw żewġ minuti wara meta qabbeż fuq Gianluigi Buffon. FRANCESCO CAPUTO poġġa lil Sassuolo minn fuq fis-47 minuta b’xutt mill-ewwel li Buffon salva iżda ma żammx. Juventus ingħataw penalty fit-68 minuta għal fawl fil-kaxxa ta’ Filippo Romagna fuq Paulo Dybala, b’CRISTIANO RONALDO ma jiżbaljax mill-11-il metru.
MILAN – Inter approfittaw mid-draw ta’ Juventus ftit qabel biex b’hekk telgħu fil-quċċata tal-klassifika. Fi Stadio Giuseppe Meazza, LAUTARO MARTINEZ fetaħ l-iskor fis-16-il minuta b’konklużjoni fil-baxx għar-rokna. L-istess LAUTARO MARTINEZ irdoppja fil-41 minuta b’daqqa ta’ ras wara kross ta’ Antonio Candreva. MATTIA VALOTI naqqas id-distakk fil-50 minuta b’azzjoni personali iżda ma rnexxielhomx isibu l-gowl li jevita t-telfa.
PARMA – Milan kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Parma fi Stadio Tardini. Il-gowl li fired liż-żewġ timijiet wasal fit-88 minuta. THEO HERNANDEZ ħa vantaġġ minn ballun li ħabat ma’ żewġ plejers ta’ Parma u minn qagħda ideali xeħet wara Luigi Sepe.
RUMA – Lazio telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’rebħa oħra, din id-darba ta’ 3-0 kontra Udinese fi Stadio Olimpico. L-aqwa skorer tal-kampjonat CIRO IMMOBILE fetaħ l-iskor fid-disa’ minuta b’xutt fil-baxx mill-viċin. L-istess CIRO IMMOBILE rdoppja minn penalty fis-36 minuta wara fawl fil-kaxxa ta’ William Troost-Ekong fuq Joaquin Correa. LUIS ALBERTO skorja t-tielet gowl minn penalty ieħor qabel tmiem l-ewwel taqsima meta Correa din id-darba twaqqa’ minn Bram Nuytinck.
NAPLI – Aktar problemi għal Napoli hekk kif din id-darba ġew megħluba minn Bologna fi Stadio San Paolo. Kien FERNANDO LLORENTE li poġġa lil Napoli minn fuq fil-41 minuta meta kompla għal ġewwa wara li Lukasz Skorupski kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Lorenzo Insigne. ANDREAS OLSEN ġab id-draw fit-58 minuta, bit-tim ta’ Sinisa Mihajlovic jiskorja l-gowl tar-rebħa fit-80 minuta meta Blerim Dzemaili għadda tajjeb lejn NICOLA SANSONE li minn quddiem David Ospina ma żbaljax.
VERONA – Roma għelbu lil Verona fi Stadio Bentegodi biex telgħu fir-raba’ post. JUSTIN KLUIVERT poġġa lil Roma fil-vantaġġ wara 17-il minuta iżda DAVIDE FARAONI ġab id-draw erba’ minuti wara sakemm DIEGO PEROTTI daħħal lil Roma minn fuq permezz ta’ penalty. Verona għafsu għad-draw fit-tieni taqsima, b’Roma jagħlqu l-logħba b’HENRIKH MKHITARYAN jagħlaq il-logħba fil-91 minuta.
Riżultati u Klassifika
Ilbieraħ: Brescia v Atalanta 0-3, Genoa v Torino 0-1, Fiorentina v Lecce 0-1
Illum: Inter v Spal 2-1, Juventus v Sassuolo 2-2, Parma v Milan 0-1, Lazio v Udinese 3-0, Napoli v Bologna 1-2, Verona v Roma 1-3
Għada: Cagliari v Sampdoria 8.45pm
Kif Jinsabu: Inter 37 punt, Juventus, 36 punt, Lazio 30 punt, Roma 28 punt, Cagliari 25 punt, Atalanta 25 punt, Napoli 20 punt, Verona 18-il punt, Parma 18-il punt, Torino 17-il punt, Milan 17-il punt, Bologna 16-il punt, Fiorentina 16-il punt, Sassuolo 14-il punt, Lecce 14-il punt, Udinese 14-il punt, Sampdoria 12-il punt, Genoa 10 punti, Spal 9 punti, Brescia 7 punti
//= $special ?>