Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li kien mixli li pprova joqtol persuna

Carl Caruana ta’ 22 sena residenti Wied il-Għajn baqa’ jinżamm taħt arrest wara li dalgħodu tressaq il-Qorti mixli li pprova joqtol lil Christian Muscat ta’ 21 sena. Dan għamlu billi spara tiri fid-direzzjoni tiegħu iżda b’xorti tajba ma laqtux.

L-argument seħħ nhar il-Ġimgħa fi Triq in-Nadur, Wied il-Għajn fil-ħdax ta’ filgħodu. Jidher li l-inkwiet bejn iż-żewġt irġiel kien ilu għaddej.

L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li r-reat huwa wieħed serju u l-fatt li għad baqa’ diversi xhieda li jridu jagħtu x-xhieda tagħhom.

Minħabba n-natura tar-reati, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Heyman waqt li Caruana kien assistit mill-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit.