Lokali

Joseph Muscat poġġa lilu nnifsu u lil dawk viċin tiegħu l-ewwel u ‘l fuq mill-interess nazzjonali

Illum, għal darb’oħra, minkejja s-sejħiet persistenti mill-Oppożizzjoni, mis-Soċjetà Ċivili, mill-Korpi Kostitwiti, mill-midja indipendenti u saħansitra minn attivisti u protagonisti fi ħdan il-Partit Laburista, Joseph Muscat minflok poġġa l-interess nazzjonali l-ewwel, poġġa lilu nnifsu u lil dawk l-aktar viċin tiegħu l-ewwel.

Sostna dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja u Governanza Tajba Adrian Delia. Huwa saħaq li bl-istess mod li l-Prim Ministru pproteġa lil Keith Schembri u Konrad Mizzi, llum il-Grupp Parlamentari Laburista pproteġa lil Joseph Muscat.

Joseph Muscat iggranfa mas-siġġu tal-poter u fil-frattemp qed jegħrreq pajjiż. L-inċertezza kbira li hawn f’pajjiżna se tkompli ttawwal, u tiggrava, ma’ kull ġurnata li Joseph Muscat jagħmel fil-kariga. Il-Prim Ministru flok telaq kif qed jgħidlu kulħadd ħassu komdu li jappunta mill-ġdid Ministru fil-Kabinett tiegħu, l-istess Ministru li akkuża lilll-Gvern tiegħu bi frame up kontrih fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ministru li huwa taħt inkjesta Maġisterjali. Il-Prim Ministru m’għandux il-leġittimità la li jaħtar Ministri, la li jkollu sehem fl-indaġini li għaddejjin u lanqas li jibqa’ fil-kariga.

Adrian Delia qal li b’Joseph Muscat Prim Ministru u bi sħabu implikati, l-poplu la jista’ jserraħ rasu li se ssir ġustizzja u wisq inqas li l-ġustizzja tidher li qed issir. Joseph Muscat bħala Prim Ministru huwa xkiel għall-investigazzjonijiet, u ċertezza li ma ssirx il-ġustizzja. Joseph Muscat bħala Prim Ministru huwa l-kawża ta’ iktar inċertezza f’pajjiżna. F’dan il-mument delikat, Joseph Muscat kellu jitlaq immedjatament. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tqis il-pożizjoni ta Joseph Muscat bħala waħda mhux tenibbli. Joseph Muscat ċertament m’għandux leġittimità biex ikompli jmexxi u wisq anqas biex jiddiskuti u jiddeċiedi dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia saħaq li pajjiżna huwa ostaġġ ta’ sitwazzjoni bla preċedent. Pajjiżna huwa ostaġġ ta’ persuni li b’għemilhom, jew bin-nuqqas ta’ għemilhom ħolqu kriżi Kostituzzjonali. Il-Prim Ministru huwa wieħed minnhom, il-Prim Ministru huwa l-problema. Il-Prim Ministru għandu jitlaq illum. L-Oppożizzjoni qed tagħmel il-parti tagħha, s-Soċjetà Ċivili qed tagħmel tagħha u l-poplu se jkompli jsemma’ leħnu. Illum se nerġgħu ningħaqdu mall-protesta li se ssir fil-Belt Valletta.