Lokali

Kabinett maqsum

Joseph Muscat, mad-disfatti li rnexxielu jdomm matul dawn is-seba’ snin li għaddew ta’ żewġ leġislaturi, issa rnexxielu jżid oħra ferm importanti… dik li rnexxielu jaqsam il-Kabinett tal-Ministri u jkollu aktar membri kontra tiegħu milli favur tiegħu.

Fiċ-ċert u fl-apert favur tiegħu hemm il-Ministri Owen Bonnici, Michael Farrugia u Justyne Caruana.

Fiċ-ċert kontra l-pożizzjonijiet li ħa biex jipproteġi u jissalvagwardja lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u lil Chris Cardona, hemm il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Evarist Bartolo, Edward Scicluna, Josè Herrera flimkien mas-Segretarja Parlamentari Julia Farrugia Portelli u d-Deputati Robert Abela u Anton Refalo.

Ma’ dawn kontra l-pożizzjonijiet mhux spjegabbli ta’ Joseph Muscat li joħroġ għonqu għal dawk l-aktar qrib tiegħu – l-istess Joseph Muscat jammetti li ilu biż-żrar fiż-żarbun tiegħu għal aktar minn sentejn – hemm diversi Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati oħrajn.

Dawn huma bil-goff kontra persuni magħrufa viċin Kastilja li qed jiffangaw bla rażan u li qed jabbużaw bla limiti mill-poter.

Jidher ċar issa li l-ħniżrijiet qabżu kull limiti, aktar u aktar meta minn xhieda li ngħata fil-jiem li għaddew lill-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK), anki delitti saru b’mod istituzzjonalizzat għal raġunijiet varja.

Joseph Muscat kellu kull opportunità li jieqaf għall-ħniżrijiet li saru madwaru, iżda għal xi raġuni – u kulħadd jasal għall-konklużjonijiet tiegħu – ma għamilx hekk.

Sorsi fil-Partit Laburista li s-soltu jitkellmu ma’ il-mument jargumentaw li Joseph Muscat kellu ħbiberiji wisq u żejda ma’ Keith Schembri bir-riżultat li dak li darba kien iċ-Chief of Staff tal-Uffiċċju tiegħu kien jaf wisq dwaru sal-punt li l-istess Joseph Muscat spiċċa ostaġġ ta’ Keith Schembri.

Is-sorsi fil-Partit Laburista li jitkellmu ma’ il-mument dejjem jinsistu li dak li qed naħsdu llum mhu xejn għajr iż-żerriegħa li nżergħet ftit aktar minn seba’ snin ilu meta kienu jsiru l-famużi laqgħat fir-Raba’ Sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Dwar dawk il-famużi laqgħat saħansitra kien ħareġ għonqu Anglu Farrugia, illum l-Ispeaker tal-Parlament, li kien żvela kif fir-Raba’ Sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun kienu jsiru laqgħat bejn irjus kbar tal-Partit ma’ negozjanti, ma’ kuntratturi u ma’ nies tal-flus.

Ħamest ijiem biss wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista f’Ġunju tal-2013, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri kienu diġà fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex jittrasferixxu u jaħbu flushom hemmhekk. Dan flimkien ma’ terza persuna oħra li l-isem tagħha b’mod uffiċjali għadu ma ħariġx.

Minn dakinhar ’il quddiem, saru sensiela twila ta’ ħniżrijiet oħra. Quddiem dan kollu membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat illum qed jinsistu li Muscat jew idabbar rasu – l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel – jew inkella s-sitwazzjoni tibqa’ taggrava u l-Gvern jispiċċa jitlef il-kontroll assolutament tal-pajjiż.

Hemm anzi min jinsisti li r-riżenja ta’ Muscat mill-karigi tiegħu mhix biżżejjed, u l-Pulizija għandha tibgħat għalih ukoll u hu jkun mitkellem.

Hemm diversi affarijiet jaħarqu fejn Joseph Muscat jista’ jikkollabora… fosthom it-twaqqif tal-ElectroGas, Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, id-deal tintenn mal-Vitals u sussegwentement ma’ Stewart Healthcare, u l-istil lussuż ta’ ħajja ta’ ċerti persuni qrib tiegħu.

Minflok dak li kompla jdarras lil membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat kien li l-istess Joseph Muscat kien qed jiġi infurmat mill-Pulizija l-ħin kollu dwar l-eżitu ta’ kull interrogazzjoni.

Dawn il-malprattiċi kollha ta’ Muscat urtaw bis-sħiħ lill-membri fil-Kabinett tiegħu u kellu jibda jirrombla l-boċċi l-Ministru Evarist Bartolo li ta’ kuljum matul din il-ġimgħa kiteb messaġġi fejn talab għaż-żbir tant meħtieġ fil-Gvern. Meta fergħa ma tibqax tagħmel il-frott u tkun ta’ dannu għas-siġra… is-soluzzjoni hi waħda… li taqtagħha barra.

Evarist Bartolo kien dirett ħafna meta kiteb – u l-kitba tibqa’ darba għal dejjem – li nies bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom mhux biss jitneħħew mill-karigi rispettivi tagħhom, imma saħansitra jitneħħew mill-Partit Laburista u dan għall-ġid tal-Gvern u għall-ġid tal-Partit Laburista.

Evarist Bartolo kien kategoriku u dirett ħafna meta kiteb li: “Fil-ħuġġieġa li għandna taqbad f’pajjiżna, nistgħu nagħżlu li nitfgħu l-ħatab jew l-ilma. Tista’ ssir ġustizzja bla biża’ jew favuri bla ma nagħmlu pajjiż irmied u bla ma jinħarqu u jweġggħu anki dawk li jridu l-ġustizzja. Tista’ ssir ġustizzja bla taħraq pajjiż u poplu sħiħ.”
Għal din il-pressjoni mill-Ministru Evarist Bartolo wieġbu fl-istess ħin l-Eks Ministru Anton Refalo u anki Robert Abela, Konsulent tal-Prim Ministru f’Kastilja.

Spikkat ukoll il-kitba tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli li qalet fost l-oġrajn li: “Din mhix il-politika li ħlift għaliha meta bist is-salib sentejn u nofs.”