L-Assoċjazzjoni Pensjonanti, Anzjani Nazzjonalisti (APAN), bħall-maġġoranza enormi ta’ Maltin ta’ rieda tajba, hija xxukkjata u rrabjata għall-mod mill-aktar diżonest u ingrat kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jistma lil dan il-poplu, li f’żewġ elezzjonijiet wara xulxin tah fiduċja kbira biex imexxi pajjiżna bl-onestà u bil-ġustizzja.
Dan l-aġir ikrah ifakkar lill-anzjani Maltin u Għawdxin f’dawk il-ġranet koroh tal-istorja riċenti Maltija, meta fl-1985 kien inqatel iż-żagħżugħ Raymond Caruana. Dakinhar kien sar attentat biex jitfgħu l-ħtija fuq raġel għal kollox innoċenti.
L-istqarrija tal-APAN tgħid li l-operat tal-Prim Ministru Muscat illum
iqajjem dubji serji dwar l-intenzjonijiet li ssir ġustizzja u li jfarrak kull tama biex tiġi distrutta x-xibka ta’ kriminalità u korruzzjoni, li bħalha qatt ma kellna. Dan peress li Joseph Muscat ħataf taħt idejh kull istutuzzjoni tal-poter u ħatar lilu nnifsu bħala l-protagonista ta’ dak kollu li qed jiġi żvelat mi-investigazzjonijiet.
Għaldaqstant, l-APAN jingħaqad mas-Soċjetà Ċivili Maltija fl-istennija biex Joseph Muscat jirriżenja minnufih minn Prim Ministru biex floku jinħatar xi ħadd li jkun jista’ jagħti nifs ġdid lil pajjiżna sa tmiem din il-leġiżlatura li ninsabu fiha, u jerġa’ jistabbilixxi r-reputazzjoni tajba li kellha Malta taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Għalhekk l-appell tagħhom sabiex jingħaqdu fil-protesta tal-Ħadd fl-4pm biswit il-binja tal-Parlament fid-daħla tal-Belt Valletta.
//= $special ?>