Lokali

L-Oppożizzjoni mhi se tipparteċipa fl-ebda attività li tinkludi fiha lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru

“Pajjiżna għaddej minn kriżi kbira. Bħalkom inħossni mimli dieqa, rabja, stmerrija għal dak kollu li ġie konfermat fl-aħħar ġranet.”

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia f’messaġġ lin-nazzjon.

Filwaqt li dawn huma kollha sentimenti aktar minn ġustifikati, daqstant ieħor hu ġustifikat u importanti li lkoll naffaċjaw din is-sitwazzjoni ta’ kriżi delikata b’fermezza u perseveranza fl-għajta għall-ġustizzja u l-verità, iżda wkoll bil-kalma. Il-biċċa l-kbira tal-poplu tagħna qed isegwi dawn il-ġrajjiet minn ġo darhom. U fadal ħafna xi jsir biex nipperswadu dejjem aktar Maltin u Għawdxin, hi x’inhi l-fehma u twemmin,

  • li l-ġustizzja trid issir,
  • li l-verità trid toħroġ kollha,
  • li Malta jeħtieġ tirritorna fit-triq tas-sewwa mill-aktar fis.

B’hekk biss inħarsu l-interess u l-ġid komuni. B’hekk biss insalvaw il-valur li aħna lkoll aħwa Maltin.

Il-ħsara, li biha ġew feruti pajjiżna, l-ekonomija tagħna, l-postijiet tax-xogħol tagħna, s-serħan tal-moħħ tal-poplu tagħna, mhix se tissewwa f’ħakka t’għajn. Din hi ħsara li setgħet ġiet evitata kollha kieku Joseph Muscat u l-membri tal-Gvern tiegħu qdew dmirhom mill-ewwel ġurnata u ħadu l-passi ovvji li kellhom jieħdu hekk kif tfaċċa l-mikrobu tal-korruzzjoni. Din il-ħsara seħħet ukoll għax l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż tgħammxu bil-poter, kaxkru saqajhom, irreżistew is-sejħa għal qadi ta’ dmirijiethom. Kieku l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali qdew dmirhom, kif suppost u fil-ħin, kieku l-ħsara kienet tiġi mwaqqfa fil-ħin. Kieku seta’ ġie evitat assassinju politiku.

L-istess jgħodd għad-diversi istituzzjonijiet li huma maħluqa li jkunu indipendenti, imparzjali, awtonomi, ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, lejn l-ebda kulur, lejn l-ebda status, kbir jew zgħir, anke dawn f’diversi mumenti naqsu lill-poplu tagħna. Għalhekk qegħdin f’li qegħdin. Pajjizna jrid jibda jsewwi l-ħsara kbira li saret. Titlu f’ġurnali internazzjonali – bħat Times of London “Island of Corruption” u bħal Die Welt Ġermaniza “Malta is a Mafia State, a Shame for Europe“, huma indikazzjoni tal-aktar livell baxx li Muscat u sħabu waqqgħu ġieħ pajjizna, r-reputazzjoni tas-serjetà u l-integrità tagħna bħala pajjiż.

Joseph Muscat għandu sens politiku biżżejjed. Kull minuta li qed jibqa’ fit-tmexxija tal-pajjiż qed tkompli tinfirex il-ħsara. Joseph Muscat illejla ma fehem xejn, ma fehemx ir-rabja tal-poplu, ma fehemx xi tfisser responsabbiltà politika, ma fehemx it-tħassib tal-imprendituri u l-unjins li qed jaraw riskji kbar għall-postijiet tax-xogħol. Ma fehemx li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ minħabba l-kollass tal-Istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. Ma fehemx li din it-traġedja seħħet għaliex nies qrib tiegħu, u li hu politikament responsabbli għalihom ħassew li huma ‘l fuq mil-liġi. Ma fehemx li hu messu qatt ma nvolva ruħu f’investigazzjoni dwar nies li hu għamel snin jipproteġi. 

Joseph Muscat illum ma semmiex liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Ma qal xejn fuq Konrad Mizzi. Anzi ftaħar bil-power station li hija propju fiċ-ċentru tar-raġunijiet li waslu għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Pajjiżna ma jistax jistenna mqarr ġurnata oħra għar-riżenja ta’ Joseph Muscat. Messu ilu li rriżenja u kull ġurnata li jibqa’ jokkupa l-kariga se tkun ġurnata oħra fejn il-ġustizzja ma ssirx u lanqas tidher li qed issir. 

L-Oppożizzjoni se tibqa tinsisti u taħdem biex issir ġustizzja sħiħa. Se taħdem biex dak li seħħ f’ pajjiżna ma jerġa’ jseħħ qatt. Se tara li kull min b’għemilu jew bin-nuqqas ta’ għemilu wassal lill-pajjiżna f’xifer ta’ preċipizzju, jerfa’ r-responsabbiltà. Hekk titlob il-ġustizzja. L-Oppożizzjoni mhix qed tagħraf il-leġittimità ta’ Joseph Muscat u minn għada mhi se tipparteċipa fl-ebda attività li tinkludi fiha lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru. L-Oppożizzjoni, temmen li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat mhix tenibbli u l-ħsara lil pajjiżna għandna tieqaf mil-lum bir-riżenja immedjata tiegħu. 

Il-poplu bir-raġun illejla se jkun iżjed irrabbjat. Il-poplu llejla qed iħossu iżjed ittradut, imma l-poplu mhux se jaqta’ qalbu fit-triq biex jirbaħ is-sewwa. Biex tirbaħ il-verità. Flimkien bħala poplu wieħed, għal pajjiżna.