Eluf ta’ Maltin u Għawdxin ħonqu l-belt kapitali Maltija l-Ħadd waranofsinhar jitolbu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Laburista Joseph Muscat. F’diversi messaġġi li twasslu minn fuq il-palk li intrama quddiem il-Qorti, il-kelliema wasslu messaġġ li “Joseph Muscat mhuwiex Malta”.
Id-dimostrazzjoni nazzjonali kienet organizzata minn Occupy Justice u Repubblika.

Il-protesta tas-soċjetà ċivili bdiet għall-ħabta tal-4 ta’ waranofsinhar minn quddiem il-binja tal-Parlament fid-daħla tal-Belt, bil-poplu Malti jidwi ukoll l-għajta għall-Ġustizzja b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva, Daphne Caruana Galizia.


Il-protesta baqgħet nieżla Triq ir-Repubblika sal-Qorti fejn numru ta’ kelliema indirizzaw lin-nies preżenti.


Fost dawk li indirizzaw il-folla preżenti kien hemm Ranier Fsadni, Yves Borg Bonello, Rachel Williams, Alessandra dee Crespo u Mark Anthony Sammut.

Għal darb’oħra dwiet l-għajta ta’ “ġustizzja… ġustizzja”.

Għal darb’oħra spikkat il-preżenza taż-żgħażagħ u l-istudenti.

Il-protesta ntemmet bil-kant tal-Innu Malti.

Minn quddiem il-Qorti l-protesta kompliet miexja lejn il-bini ta’ Kastilja.
