Lokali

Miriam Dalli taħseb għal rasha

Tieħu l-parir li tiddistakka minn Joseph Muscat u tgħid li hi rrabjata u traduta

Fl-aħħar sigħat Joseph Muscat dabbar daqqa oħra kbira meta issa jidher li tilef ukoll l-appoġġ tal-Ewro Parlamentari Laburista Miriam Dalli li jidher li ħadet il-parir li kemm-il darba tassew trid li ttellaq għat-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit, allura m’għandha l-ebda għażla oħra għajr dik li ma jkollha l-ebda dell tqil fuqha – minkejja li kienet hi li dejjem iddefendiet u appoġġjat id-deċiżjonijiet ta’ Muscat.

Miriam Dalli lbieraħ fuq il-midja soċjali kitbet li tħossha rrabjata u traduta u tgħid li fl-isfond tal-affarijiet kif qed iseħħu, l-istess affarijiet ma jistgħux jitwalu aktar milli hemm bżonn.

Sorsi fil-Partit Laburista li lbieraħ tkellmu ma’ il-mument qalu li b’dak kollu li seħħ fl-aħħar jiem, Joseph Muscat qiegħed ikompli jiċkien u jiċċekken, iżda l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne qiegħed ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu u jikber fil-kamp Laburista fost id-delegati li aktar ma jgħaddi l-ħin aktar qed jifhmu li kemm-il darba jridu li jsalvaw lill-Partit, allura hemm bżonn ta’ kisna papali minn Joseph Muscat u dawk kollha ta’ madwaru.

Fil-messaġġ tagħha fuq il-midja soċjali, Miriam Dalli kitbet li: “Irrabjata u traduta.

“U naf li bħali qed iħossuhom ħafna. Dawk li kellmuni, Laburisti u mhumiex li qed iħossuhom diżorjentati.

“Din mhix kwistjoni ta’ Laburisti u Nazzjonalisti. Din kwistjoni ta’ pajjiż kollu kemm hu.

“L-affarijiet ma jistgħux itawlu aktar milli hemm bżonn. Il-ħafna mistoqsijiet li hemm iridu jkunu mwieġba. Il-Ġustizzja trid issir u trid tidher li qed issir ma’ kulħadd. Irridu nipproteġu lil pajjiżna qabel kollox għax dawn huma Malta u Għawdex fejn nittama li jikbru wliedi.”

Il-messaġġ tal-bieraħ ta’ Miriam Dalli jikber fl-importanza tiegħu fid-dawl tal-fatt li Miriam Dalli kienet il-benjamina ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri għat-tellieqa tat-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit, aktar u aktar wara l-kollass totali tal-Ministru Konrad Mizzi li ripetutament kien akkużat b’korruzzjoni u b’tixħim tant li fil-jiem li għaddew ma kellu l-ebda triq oħra għajr li jinżabar kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Partit.

Il-mewġa kontra Joseph Muscat fl-aħħar sigħat kompliet tikber u bosta qed jaraw dawn il-mumenti tiegħu bħala mumenti mill-aktar koroh fl-istorja politika reċenti ta’ pajjiżna fejn isem Muscat se jibqa’ mwaħħal mal-ħtif tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna, kif ukoll mal-fatt li quddiem l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna, hu għażel li jixref għonqu biex jiddefendi lil ta’ madwaru.

Id-delegati Laburisti huma dispjaċuti ħafna bil-mod kif Joseph Muscat ittradihom u lagħab bihom sal-punt li issa kulma jixtiequ mingħandu hu li ma jkomplix ikisser u jumilja lill-Partit Laburista li jenħtieġlu li jibda mill-bidu u jiknes ’il barra lil dawk kollha li nqdew bih għas-sempliċi raġuni li riedu jistagħnew minn fuq dahar il-poplu Malti.

Delegati viċin Miriam Dalli li jixtiequ jarawha tmexxi l-Gvern u lill-Partit hi, huma tax-xewqa li din ma tkun ostaġġ tal-ebda Joseph Muscat u Keith Schembri u għalhekk kien hemm min fl-aħħar jiem taha pariri kontinwi biex twarrab mid-dell tagħhom kemm tassew riedet bis-serjetà li għada pitgħada ttellaq lil Chris Fearne, li fil-jiem li għaddew uża moħħu għall-vantaġġ politiku tiegħu.

Il-pariri li qed tingħata Miriam Dalli hi li Joseph Muscat u ta’ madwaru issa qed jagħmlu wisq żbalji strateġiċi u hi ma tistax tkun kompliċi f’dawn l-iżbalji. Fost l-oħrajn issemmew mhux biss l-iżbalji ta’ Muscat li qiegħed idum biex iwarrab minn Kastilja, imma anki l-mod kif is-sitwazzjoni ħarbitlu minn kull kontroll.

Mhux biss, iżda anki dak li ġara nhar il-Ħamis bil-lejl meta ġurnalisti u fotografi spiċċaw maqfula fil-Kamra ta’ Kastilja fejn isiru l-konferenzi tal-aħbarijiet, kienet waħda mill-aktar inaċċettabbli u min ipparteċipa fiha għad irid jintalab iwieġeb għal għemilu għaliex f’demokrazija dawn l-affarijiet ma jsirux.

Hu biss fil-Gvern ta’ Joseph Muscst li jinsab f’paniku kbir li jiġru dawn l-affarijiet u għalhekk delegati Laburisti viċin Miriam Dalli qed jagħtuha parir biex tiddistakka lilha nnifisha minn dawn l-iżbalji koroh li qed inaffru lil kull min għandu ftit sens komun.