Lokali

Missier u iben l-isptar wara inċident fis-Siġġiewi

Raġel ta’ 42 sena miż-Żurrieq u tifel ta’ 10 snin sofrew ġrieħi wara li għall-ħabta ta’ nofsillejl kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi, is-Siġġiewi.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li waqt li l-vettura tat-tip Suzuki Ignis kienet qed tinstaq mir-raġel għal xi raġuni tilfet il-kontrol u kellha impatt m’arblu tad-dawl. It-tifel kien passiġġier fl-istess vettura.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żewġ vittmi li kienu maqbuda fil-vettura. Issejjaħ ukoll tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li t-tifel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett