Internazzjonali

Olanda: Jarrestaw suspettat dwar l-attakk f’The Hague

Il-Pulizija f’The Hague arrestaw raġel ta’ 35 sena b’konnessjoni mal-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa li fih tliet adolexxenti kienu spiċċaw aggrediti u feruti b’daqqiet ta’ sikkina.

L-aggressjoni kienet seħħet waqt l-eqqel tal-attività ta’ Black Friday – ġurnata sinonima mal-kummerċ madwar id-dinja – u meta għexieren ta’ xerrejja spiċċaw jiġru ‘il hinn fost il-paniku u t-tensjoni li ħakmet il-Grote Markstraat ( il-pjazza tas-suq ewlenija) ta’ The Hague.

Mifhum li s-suspettat, li mgħandux akkommodazzjoni fissa, kien ittrasferit lejn għassa tal-pulizija biex ikun suġġett għal interrogazzjoni.

Dan waqt li l-pulizija qegħdin jinvestigaw ‘diversi xenarji’ marbutin mal-każ u meta kien għadu kmieni wisq biex huma jispekulaw dwar il-possibbiltà li l-attakk seta’ kien spirat minn skop terroristiku.

L-adolexxenti midruba – żewġ tfajliet ta’ 15-il sena u tifel ta’ 13-il sena – ma kenux jafu lil xulxin u ftit ħarġu dettalji dwar x’seta’ wassal għall-attakk fuqhom.Intant, it-tliet midruba, issa, ħarġu mill-isptar wara li għamlu xi żmien rikoverati għall-ġrieħi li ġarrbu.

L-attakk f’The Hague kellu seħħ sigħat wara attakk terroristiku fil-qalba ta’ Londra ( nhar il-Ġimgħa) li fih mietu żewġ persuni bi tlieta oħra jindarbu. L-aggressur responsabbli mid-dmija spiċċa maqtul b’tiri li sparawlu l-pulizija Britannika.