Tistenniex sa Jannar Dr. Muscat, ITLAQ ISSA!, Ġustizzja, Il-Patt Dijaboliku li waqqa’ lil Kastilja, Irridu nagħmlu r-riflessjonijiet, Kif l-istorja għad tiġġudikahom, Muscat jeħtieġ jitlaq … illum, Riżenji u Ġustizzja – Dawn kienu t-titli tal-Editorjali ddominaw il-gazzetti tal-Ħadd, l-għada li tressaq Yorgen Fenech il-Qorti mixli fost l-oħrajn li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar.
“Il-Patt Fawstjan max-xitan li niżżel lit-Torri ta’ Kastilja” – Kien dan it-titlu tal-editorjal tal-MaltaToday, b’riferenza għad-dramm tal-kittieb Ġermaniż von Goethe dwar il-patt max-Xitan li għamel Fawst. L-era ta’ Joseph Muscat intemmet għaliex l-arja hija tqila bi tradiment, qerq, intiena ta’ klikka korrotta li żammet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ostaġġ ta’ żwieġ bejn in-negozju u l-politiċi.
Intant, f’opinjoni oħra miktuba mill-Editur Maniġerjali, Saviour Balzan, saħaq kif Keith Schembri kien kompletament konxju ta ‘dak li kien għaddej fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia’. Dan filwaqt li hu uża l-poteri tiegħu sabiex iqarraq bil-kollegi politiċi tiegħu, bil-media, u jiddevja l-attenzjoni fuq xi ħaġa oħra.
L-editorjal tas-Sunday Times of Malta jitlob għar-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat għaliex ippermetta li l-Gvern tiegħu flimkien mal-pajjiż jassoċċjaw lilhom infushom ma’ prattiċi korrotti u assassinju ta’ ġurnalista meta kellu s-saħħa kollha li jevita dan. Dan peress li hu u n-nies ta’ madwaru ħasbu li huma invinċibbli, abbużaw mil-lealtà tal-votanti Laburisti u ta’ dan il-pajjiż kollu qed iħallas prezz qares għaliex ir-repuzzjoni ta’ pajjiżna tħammġet u tilfet il-kredibilità.
Il-Malta Independent on Sunday tgħid li l-unika pass onorabbli u inevitabbli li jista’ jagħmel Joseph Muscat f’dan il-mument, jekk jiswa ħaqq karlin, huwa li jirriżenja B’EFFETT IMMEDJAT u mhux sa Jannar. Aktar ma jdum, aktar juri kemm hu ddisprat li jiggranfa mas-siġġu tal-poter u toktor ir-ribeljoni kontra l-establishment ta’ Muscat.
“Din il-ġimgħa kienet waħda sewda għal pajjiżna, għall-poplu tagħna, għall-klassi politika u b’mod speċjali għall-Partit Laburista u l-Gvern ta’ Joseph Muscat.” Din kienet l-introduzzjoni tal-editorjal tal-gazzetta Illum, li tattribwixxi dan kollu għall-protezzjoni li ta Muscat lil Schembri u Mizzi wara r-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers fl-2016 għax kien imdaħħal jew għaliex tmejlu bih l-istess żewġ esponenti Laburisti jew għaliex ġie rrikatat minnhom.
Il-gazzetta il-Mument tgħid kif il-mexegħla tal-korruzzjoni rnexxielha tagħti n-nar lill-Kastilja u waslet għal 3 riżenji fl-istess ġurnata nhar it-Tlieta li għadda mill-Gvern ta’ Muscat tal-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u ċ-Chief of Staff, Keith Schembri. La d-dnub ma jorqodx, bdiet ħierġa l-verità u jeħtieġ issir ġustizzja. Għalhekk, l-Editorjali jgħid li hija inevitabbli r-riżenja tal-Prim Ministru, anki fid-dawl tal-kollass tal-istituzzjonijiet bil-manuvri minn Kastilja.
Il-gazzetta t-Torċa tal-General Workers Union kienet l-unika gazzetta tal-Ħadd li fl-editorjal tagħha, minflok attakkat lill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat, infexxet f’dagħdigħa ta’ tgħajjir fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta tal-Partit Laburista, il-KullĦadd, fl-editorjal tagħha ukoll qegħda titlob għall-ġustizzja bis-sħiħ fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, bid-dettalji tat-tkexkix li ħerġin dwar il-komplott qajmu furur u rabja fost in-nies. “Dan għandu jwassal sabiex pajjiżna jibda jistejqer minn dan id-delitt li mhux biss qatel persuna, imma wassal għal riperkussjonijiet serji għal pajjiżna.”
//= $special ?>