Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson jaħlef biex isaħħaħ is-sigurtà wara t-terrur f’Londra

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, ħalef li jsaħħaħ is-sigurtà wara l-attakk terroristiku tal-Ġimgħa, qrib London Bridge, li twettaq minn raġel li kien weħel il-ħabs għal terroriżmu u li nħeles qabel skonta s-sentenza sħiħa oriġinali.

Intant, Johnson impenja ruħu biex — f’każ li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru — isaħħaħ is-sentenzi tal-ħabs għal persuni kundannati għal dawn is- sitwazzjonijiet. Hu kompla li lest biex jinvesti aktar flus fis-sistema tal-ħabs ta’ pajjiżu.

Meta fadal anqas minn ġimgħatejn sakemm il-poplu Britanniku jivvota fl-elezzjoni, il-ħarsien tal-liġi u l-ordni qed jingħata prominenza kbira fl-aġenda elettorali. Dan wara li Usman Khan, l-aggressur responsabbli mill-attakk tal-Ġimgħa, qatel żewġ persuni kiesaħ u biered, filwaqt li darab tlieta oħra, qabel inqatel mill-pulizija fuq il-post.

Il-Konservattivi ta’Johnson ilhom jinsistu għal miżuri biex isaħħu l-poteri tal-pulizija u s-sistemi tal-ħabs, iżda l-partiti fl-Oppożizzjoni kritikaw lit-Tories ( fil-Gvern) dwar il-qtugħ fis-servizzi pubbliċi li ilhom għaddejjin is-snin taħthom.

Sadanittant, meta kien qed jitkellem fuq l-Andrew Marr show tal-BBC, Boris Johnson enfasizza li ‘se jkunu introdotti sentenzi  akbar ta’ ħabs għat-terroristi u l-kriminali vjolenti’. Hu ikkundanna l-fatt li raġel bħal Usman Khan ‘tħalla jiġri barra minflok baqa’ magħluq il-ħabs’ u insista li, ‘‘il quddiem, għandha tittieħed azzjoni f’waqtha u valida’ li jevitaw dawn l-inċidenti qattiela.

Boris Johnson hu ħerqan biex juri lill-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, bħala wisq dgħajjef fil-konfront tal-kriminalità. Johnson, fl-istess ħin, qed iwaħħal fil-Partit Laburista għall-introduzzjoni ta’ liġi ( meta kien għadu fil-Gvern) li awtomatikament tiggarantixxi l-libertà ‘bikrija’ għal xi ħabsin partikulari.

L-attakk li wettaq Khan fuq London Bridge ġedded il-memorji tal-aħħar elezzjoni fir-Renju Unit, fl-2017. Dan meta tliet militanti kienu saqu vann għal ġon-nies fl-istess zona tal-kapitali qabel attakkaw lil min inzertaw quddiemhom – bir-riżultat li nqatlu tmienja, bi kważi 50 jispiċċaw midruba.

Tlieta mill-midruba fl-attakk ta’ nhar il-Ġimgħa għadhom l-isptar, bi tnejn minnhom ikunu rappurtati f’kundizzjoni stabbli. It-tielet persuna, intant, qed issofri minn ġrieħi anqas serji.