Lokali

SITT SNIN U NOFS TA’ SKANDLI KBAR

Joseph Muscat ma kienx kapaċi jżomm iż-żewġ mandati kbar li tah il-poplu

Sitt snin u nofs ta’ headlines iebsin kontra l-Gvern. Sitt snin u nofs jiddefendi lil Keith Schembri. Prim Ministru li lanqas kien kapaċi jtemm iż-żewġ mandati li tah il-poplu. Gvern li spiċċa maħkum minn skandlu wara l-ieħor fid-dagħdigħa biex jiġu aġevolati l-ħbieb tal-ħbieb.

Forsi l-agħar mill-każijiet kollha li kellna f’dawn is-snin kemm ilu Joseph Muscat Prim Ministru, kien l-iskandlu tal-Panama Papers illi ġie żvelat mill-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Kien hawn meta l-Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama. Apparti iż-żewġ kumpaniji tagħhom, Hearnville u Tillgate, inkixfu ukoll il-kumpaniji Egrant, kif ukoll 17 Black, li wara rriżulta li s-sid tagħha kien Yorgen Fenech.

Fenech hu l-istess persuna illi kien Direttur tal-Electrogas; il-power station il-ġdida li kien pjana l-Partit Laburista sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013, b’wiċċ Konrad Mizzi fuq quddiem nett imexxi dan il-pjan li kien mirqum sal-anqas dettall.

Eventwalment, mill-Panama Papers, kif ukoll minn investigazzjoni separata tal-aġenzija Reuters, kien inkixef li minn 17 Black kellhom jgħaddu mal-€5,000 kuljum lejn iż-żewġ kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-eks Chief of Staff, wara li nqabad, kien ikkonferma li 17 Black kellha tkun target client tiegħu.

Skandlu oxxen ieħor kien dak tal-bejgħ tal-isptarijiet lill-kumpanija Vitals, miljuni li ħadd ma jaf fejn marru.

Kulħadd żgur jiftakar anki l-istejjer mill-aktar serji marbuta mal-bank Pilatus – tant li kellha tiġi rtirata l-liċenzja ta’ dan il-bank, minħabba r-rabtiet mal-Azerbaijan.

Kien minn Pilatus Bank li allegatament għaddew flus lejn kont f’Dubaj, għall-kumpanija sigrieta Egrant.

L-iskandlu ta’ Strada Żekka kien skandlu ieħor mill-kullana ta’ oxxenitajiet li għamel dan il-Gvern; skandlu li kieku ma kienx għall-ħidma tal-ġurnalista Caroline Muscat, dan id-deal kien jibqa’ moħbi.

Kien ukoll il-Gvern ta’ Muscat li ħolom bl-idea tal-bejgħ tal-passaporti; skema li mal-ewwel kienet maħkuma b’allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u nies meqjusa “suspettużi” illi xtraw il-passaport Malti.

F’din il-lista wieħed jista’ jżid l-iskandlu ta’ Acapulco u l-allegazzjonijiet serjissimi fil-konfront ta’ Chris Cardona, l-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, u anke l-iskandlu marbut mal-bejgħ tal-Austraila Hall, li fisser miljuni għall-Partit Laburista.

Ikkummenta