Futbol Sport

Sliema eliminati kmieni mill-FA Trophy b’żewġ gowls identiċi … jikkwalifikaw Hibernians u Victoria Hotspurs

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapporti: George Cassar, Stewart Said, Chris Cassar

SLIEMA W………… 0

SANTA LUCIA….. 2

Sliema: E. Elezaj, K. Shaw, J. Gill Cruz (Cleangelo 83’), G. Adamovic, J. Mintoff (E. Agius 57’), J. Carvajal Diaz, P. Xuereb (A. Satariano 67’), M. Scerri, C. Zappa, Y. Cisotti, J.P. Farrugia

Santa Lucia: R. Caruana, F. Zuniga, L. Galea, G. Mentz, A. Magri Overend (O. Elouni 62’), C. Escobar, J. Zerafa (J. Magri Overend 90’), D. Mendoza, R. Tachikawa, K. Ante Rosero (N. Spiteri 92’), D. Segura

Imwissija: G. Adamovic 30’ (SW), J. Mintoff 32’ (SW), J. Carvajal Diaz 54’ (SW), J. Zerafa 59’ (SL), R. Tachikawa 75’ (SL), G. Mentz 77’ (SL), C. Zappa 80’ (SW), D. Mendoza 83’ (SL), F. Zuniga 93; (SL)

TkeċċaK. Shaw 88’ (SW)

Skorjaw: K. Ante Rosero 55’, D. Mendoza 94’ (SL)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Alan Camilleri; Thomas Debono

Santa Lucia skurjaw minn żewġ free-kicks devjati biex eliminaw kmieni lil Sliema Wanderers mill-FA Trophy. Din hija t-tieni darba konsekuttiva li s-Slimiżi ġew eliminati f’fażi bikrija wara li s-sena l-oħra nqalgħu fir-raba’ rawnd. Din kienet it-tieni darba f’temp ta’ ġimgħa li ż-żewġ naħat iltaqgħu wara li ġimgħa ilu ltaqgħu fil-logħba tal-kampjonat.

Iżda kuntrarju għal dak li ġara l-ġimgħa l-oħra, fejn is-Slimiżi spiċċaw b’rebħa komda ta 4-0, din id-darba Santa Lucia ddettaw il-logħob għal ħafna mill-ħin bi Sliema kellhom kontinwament jilqgħu l-avversarji mingħajr ma joħolqu xi tip ta’ periklu. Santa Lucia fetħu l-iskor fl-għaxar minuta tat-tieni taqsima minn free-kick dirett ta’ KEVIN ANTE ROSERO li kien devjat u qarraq bil-gowlkiper Entonjo Elezaj li baqa’ jħares lejn il-ballun dieħel.

L-affarijiet saru iktar diffiċli għal Sliema meta żewġ minuti mit-tmiem Kurt Shaw ġibed lil Kevin Ante Rosero waqt li dan kien dieħel fil-kaxxa u r-referee wrieh il-karta l-ħamra. Santa Lucia żiedu gowl ieħor fil-ħin mogħi żejjed b’gowl identiku għall-ewwel wieħed meta DAVID MENDOZA skorja direttament minn free-kick wara devjazzjoni. Fir-rawnd li jmiss, li jintlagħab f’Jannar, Santa Lucia jilagħbu kontra Balzan.

Hibernians jgħaddu b’gowls fl-ewwel nofs tat-tieni taqsima

ŻEJTUN CORINTHIANS …………. 0

HIBERNIANS…………………………. 3

Żejtun: C. Cassar, K. Farrugia, D. Sowatey, J. Busuttil, L. Cassar Jackson, J. Galea (A. Mizzi 82’), D. Agius, J. Suda (R. Siteri 68’), J. Ogonnupe, R. de Fex (A. Carabott 72’), R. do Nascimento

Hibernians: M. Calleja Cremona, T. Tabone Desira (L. Nanni 27’), A. Agius, F. Apap, G. Artiles, L. da Silveira, J. Wemmer, D. Vella, J. Mbong, I. Iriberri (M. Beerman 67’), T. Groothusen (J. Degabriele 67’)

Skorjaw: A. Agius 53’, T. Groothusen 55’, 65’ (H)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Luke Portelli, Duncan Spencer

Żewġ gowls fil-bidu tat-tieni taqsima wittew it-triq għar-rebħa Pawlista fuq it-tim tal-Ewwel Diviżjoni Żejtun Corinthians. Hibernians kienu fuq l-offensiva għal ħafna mill-ħin u kienet kwistjoni ta’ meta jiskorjaw, għalkemm Żejtun offrew sfida denja fl-ewwel taqsima. Fir-raba’ rawnd tal-FA Trophy huma jilagħbu kontra Pembroke Athleta.

L-ewwel azzjoni denja waslet wara 17-il minuta b’xutt ta’ Terence Groothusen ikun imdawwar f’korner minn Christian Cassar. Joseph Mbong kien perikoluż fit-28 minuta b’xutt perikoluż li għadda ftit barra. Okkażjoni oħra għall-Pawlisti fil-35 minuta bi kross preċiż ta’ Mbong isib lil Iriberri iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra. Żejtun appellaw għal penalty fit-42 minuta għal kuntatt bejn Gabriel Artiles u Joseph Ogonnupe. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, free-kick ta’ Artiles għadda ftit barra.

Hibernians fetħu l-iskor fl-54 minuta bi free-kick qasir ta’ Leonardo Nanni jsib lill-captain ANDREI AGIUS li skorja b’xutt fis-saqaf tax-xibka. It-tim ta’ Sanderra rdoppja żewġ minuti wara b’xutt ta’ Dunstan Vella jkun imxellef u spiċċa għand TERRENCE GROOTHUSEN li għeleb lil Cassar b’xutt fil-baxx.

Iriberri viċin li jniżżel ismu fost l-iskorers fid-59 minuta iżda ġie mċaħħad b’save tajjeb minn Cassar. Minuta wara, xutt fil-baxx ta’ Jurgen Suda ġie mxellef u ntemm ftit barra. Hibernians għalqu l-logħba fil-65 minuta bi kross mil-lemin ta’ Mbong isib lil TERRENCE GROOTHUSEN li tar minn tulu biex skorja b’daqqa ta’ ras. Lejn it-tmiem, is-sostitut Jurgen Degabriele mar qrib ir-raba’ gowl b’xutt fil-baxx li kien salvat.

Victoria Hotspurs javvanzaw bi tripletta ta’ Elton Da Silva

ŻEBBUĠ RANGERS ………………….. 3

VICTORIA HOTSPURS ……………… 5

Żebbuġ: M. Grech, D. Fava, R. Vella, R. Zammit (S. Darmanin 46’)(W. Borg 80’), S. Buhagiar, S. Nanapere, M. Fagbeja, C. Brincat (O. Busuttil 88’), N. Ojuola, J. Farrugia, G. Gesualdi

Victoria H: A. Parnis, E. Sidqy, C. Mercieca (D. Bellotti 88’), J. Pace, A. Mizzi (L. Grima 60’), J. Bajada, S. Bajada, H. De Souza Maciel, E. Da Silva, E. Lattes, S. Biancardi

Imwissija: C. Brincat 12’, M. Fagbeja 68’, J. Farrugia, O. Busuttil 93’ (Ż), M. De Souza 19’, A. Mizzi 49’ (V)

Tkeċċa: J. Pace 65’ (N)

Skorjaw: E. da Silva 5’ pen, 40’, 85’, H. De Souza Maciel 25’, E. Lattes 92’ (V), S. Buhagiar 15’, S. Nanapere 54’, N. Ojuola 89’ (Ż)

Referee: Ezekiel Barbara

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Vasil Vasilev

F’logħba mimlija gowls u spettaklu, Victoria Hotspurs avvanzaw għar-raba’ rawnd meta għelbu lil Żebbuġ Rangers 5-3, bil-plejer Brażiljan tagħhom Elton Da Silva jiskorja tripletta.

Victoria ma setax kellhom bidu aħjar għaliex wara ħames minuti De Souza twaqqa’ minn Ryan Zammit, bir-referee jordna l-penalty li minnu ELTON DA SILVA ma żbaljax. Imsaħħa minn dan il-vantaġġ Victoria bdew jilagħbu aħjar u fit-13-il minuta xutt ta’ Lattes mar ftit barra.

Fil-15-il minuta Żebbuġ kisbu l-gowl tad-draw. Azzjoni fuq ix-xellug bejn Fagbeja u Nanapere li qassam għan-nofs fejn SAMUEL BUHAGIAR bir-ras għeleb lil Parnis. Fis-26 minuta Victoria reġgħu marru fil-vantaġġ meta DA SOUZA MACIEL ikkontrolla l-ballun tajjeb f’tarf il-kaxxa u għeleb lil Grech b’xutt preċiż fil-baxx.

Żebbuġ kellhom reazzjoni tajba u Nanapere skorja ġmiel ta’ gowl iżda dan kien imħassar minħabba pożizzjoni irregolari ta’ Fagbeja. Fl-40 minuta Victoria Hotspurs skorjaw it-tielet gowl, gowl verament tajjeb ta’ ELTON DA SILVA li wara azzjoni personali għeleb lil Grech b’xutt angolat. Fl-aħħar ħinijiet tat-taqsima minn azzjoni ta’ korner Victoria laqtu wkoll il-lasta.

Fit-tieni taqsima Żebbuġ ħarġu determinati u fl-54 minuta naqqsu l-iskor b’azzjoni ta’ Randall Vella li qassam lejn NANAPERE li b’xutt mill-ewwel sab ix-xibka. Il-logħba issa saret ferm inċerta u fil-65 minuta Victoria spiċċaw ukoll b’għaxar plejers meta Jason Pace kien muri karta ħamra wara fawl fuq Nanapere.

Fit-83 minuta ċans tad-deheb għal Żebbuġ meta Nanapere ġab lil Fagbeja waħdu iżda x-xutt mill-viċin tiegħu kien imblukkat mill-gowlkiper. Żebbuġ pattew qares ta’ dan għaliex fil-85 minuta Victoria kabbru l-vantaġġ b’azzjoni oħra personali ta’ ELTON DA SILVA mitmuma b’xutt sabiħ li għeleb lil Grech.

Fid-89 minuta Żebbuġ mill-ġdid fil-logħba b’xutt sabiħ ta’ NOAH OJUOLA minn barra l-kaxxa jegħleb lil Parnis. Fil-ħin miżjud Victoria Hotspurs għalqu l-logħba meta Elton Da Silva żmarka lil EMILIANO LATTES li avvanza u b’xutt fil-baxx sab ix-xibka.