Lokali

Spiċċa żmien in-numri u s-surveys

Joseph Muscat jipprova jikseb ftit simpatija lura billi jkun ikkummissjonat stħarriġ tal-opinjoni pubblika

Il-pressjoni fuq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat biex iwarrab illum qabel għada kompliet tiżdied matul il-ġurnata tal-bieraħ, bil-Ministru José Herrera saħansitra jiddikjara li issa spiċċa żmien ta’ numri u s-surveys.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Ambjent iddikjara li“din hija sitwazzjoni straordinarja li magħha ġġib il-bżonn ta’ deċiżjonijiet straordinarji, li jaf jidhru qawwija u konfliġġenti.”

Hu qal li “jekk hemm bżonn azzjoni f’dan il-ħin u żmien tant delikat għall-pajjiżna, trid tittieħed fil-kuntest ta’ dan il-mument propizju.”

U wara li lbieraħ ħarġu rapport li Muscat għamel pressjoni fuq il-gazzetta ‘It-Torċa’ biex joħroġ survey dwar il-popolarità tiegħu, José Herrera għamilha ċara li spiċċa żmien ta’ numri u s-surveys u qal li “Bħalissa hemm bżonn li l-Gvern flimkien ma’ sħabi fil-kabinett nieħdu deċiżjonijiet li hemm bżonn sabiex tabilħaqq inġibu l-interess ta’ pajjiżna qabel kull interess ieħor,” appella Herrera.

Jirriżulta wkoll li Muscat baqa’ sal-aħħar mumenti jirreżisti li jwarrab issa u jkun hemm ftehim intern biex Chris Fearne jieħu t-tmexxija tal-Gvern u tal-Partit Laburista f’idejh mingħajr ma jsiru elezzjonijiet interni.

Min-naħa tal-clan tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, kien qiegħed isir kull tentattiv biex ikun hemm transazzjoni kwieta interna u filwaqt li Chris Fearne jieħu t-Tmexxija tal-Gvern u tal-Partit f’idejh, kienet offruta l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit lill-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli.

L-intenzjoni tal-clan ta’ Chris Fearne kienet li dan isir immedjatament wara l-kollass kollu fil-Gvern u anki fil-Partit Laburista grazzi għall-fatt li Joseph Muscat iddefenda għal snin sħaħ lill-Eks Ministru Konrad Mizzi u anki lill-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, li t-tnejn li huma spiċċaw kellhom jirriżenjaw mill-karigi rispettivi tagħhom.

Kollox jindika iżda li Joseph Muscat irid jibqa’ involut fit-Tmexxija tal-Partit billi jimbotta lil Miriam Dalli biex tkun hi li tieħu f’idha t-Tmexxija.

U f’tentattiv iddisprivat minn Joseph Muscat biex ma jkomplix jegħreq, insista li jikkummissjona stħarriġ tal-opinjoni pubblika mis-solitu Vincent Marmara li se jkun pubblikat dalgħodu mal-gazzetta It-Torċa u li l-iskop tiegħu hu li jwassal il-messaġġ kemm Joseph Muscat igawdi fiduċja u kemm hu tajjeb.

Dan mhu xejn għajr tentattiv mill-aktar patetiku minn Joseph Muscat li flok jikkummissjona stħarriġ bħal dan biex joqogħdu jinxtegħlulu x-xemgħat quddiemu – verament miskin – imissu qed jgħid il-verità, imissu mhux jindaħal fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u messu kien jkn għall-altezza u diġà warrab għall-ġid ta’ kulħadd.

Imma Joseph Muscat u dawk li fadal madwaru għadhom qed jibżgħu għal ġildhom għaliex jissuspettaw qatigħ li bi Chris Fearne fit-tmun tal-Gvern u fit-tmexxija tal-Partit Laburista ssir kinsa papali minn dawk li huma korrotti, kriminali u dejjem lesti biex jiffangaw f’buthom.

Allura l-iskuża li kemm-il darba Chris Fearne jingħata t-tmexxija transitorja f’idejh kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Partit Laburista, Miriam Dalli se tkun qed issofri żvantaġġ kbir, hi waħda fażulla tipika tal-istess Joseph Muscat li ismu se jibqa’ mċappas bħala l-bniedem li mexxa l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika ta’ pajjiżna.