Lokali

“Tumiljawnix” – il-Prim Ministru jitkarrab lill-Kabinett

Jitlaqqa' l-uffiċċju elettorali fi ħdan il-Partit Laburista bi preparazzjoni għall-elezzjonijiet interni biex jittieħed post Joseph Muscat

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett li saret tlett ijiem ilu f’Kastilja, u li damet iktar minn sitt sigħat u nofs, il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lid-deputati tiegħu biex ma jumiljawhx.

Dan hekk kif f’din il-laqgħa kompla joħroġ dejjem iktar biċ-ċar li Joseph Muscat tilef il-fiduċja tal-Kabinett b’mill-inqas tmien deputati li għamluha ċara li m’għandhomx iktar fiduċja fih. Xhieda ta’ dan hu kemm twalet din il-laqgħa, minkejja li l-Prim Ministru Joseph Muscat ipprova jbellagħha lill-poplu li ddiskutew biss il-Maħfra Presidenzjali lil Yorgen Fenech u li din sabet appoġġ unanimu.

Tant hu hekk li issa, apparti r-rapporti fuq il-midja, anke sorsi interni tal-Partit Laburista jikkonfermaw magħna li Joseph Muscat beda jħejjihom għar-riżenja imminenti tiegħu.

Quddiem dan kollu, il-mument tinsab f’pożizzjoni li tiżvela, u tikkonferma minn iktar minn sors intern wieħed, li Joseph Muscat laħaq patt mad-deputat tiegħu dwar il-mod kif għandu jirriżenja. Hu jirriżenja mmedjatament wara li Yorgen Fenech jitressaq quddiem il-Qorti akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia biex b’hekk jiftaħar li nġieb għall-ġustizzja kif iddikjara hu stess; “under my watch.”

Dan għaliex qed jagħmel dak kollu li jista’ biex, qabel iħabbar ir-riżenja, Muscat jipprova joħroġ ifuħ minn din il-kobba li daħħluħ fiha sħabu stess, ewlieni fosthom Keith Schembri.

Muscat, li f’mumenti tal-laqgħa tal-Kabinett deher emozzjonat ferm, tkarrab lid-deputati tiegħu biex ma jumiljawhx u jħalluh iħabbar dan hu stess. Kienet din waħda mir-raġunijiet għaliex uħud mill-membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat ma dehrux warajh fil-konferenza tal-aħbarijiet, biex b’hekk jevitaw mistoqsijiet dwar il-futur tal-mexxej tagħhom.

Meta wħud minn sħabu ttradewh u bdew ħerġin il-leaks interni dwar ir-riżenja tiegħu, il-mument jista’ jikkonferma li saret pressjoni interna biex il-Partit Laburista joħroġ stqarrija fejn itenni l-fiduċjaa li ngħata jumejn qabel. Fl-ebda mument, madankollu, ma kien hemm ċaħda li Muscat se jirriżenja.

Malli jħabbar ir-riżenja tiegħu, jiskatta proċess intern għas-suċċessur tiegħu, li mistenni jkun wieħed ta’ taqtigħa kbira fid-dawl ta’ diversi persuni interessati f’din il-pożizzjoni.

Din il-gazzetta tista’ tikkonferma wkoll li fi ħdan il-Partit Laburista bdiet it-taqtiegħa għal-leadership tant li lbieraħ tlaqqa’ l-uffiċċju elettorali fi ħdan il-Partit Laburista, liema uffiċċju hu inkarigat mit-tmexxija tal-elezzjonijiet interni tal-Partit Laburista.

Fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa kien hemm punt fiss: ir-riżenja ta’ Joseph Muscat u t-tħejjija għal elezzjoni interna li hi ppjanata li ssir f’nofs Jannar, possibbilment fit-18 tax-xahar. Sorsi interni fi ħdan il-Partit Laburista, li tkellmu ma’ il-mument u kkonfermawlna din l-aħbar, spjegawlna wkoll li qed jippreparaw ukoll għall-possibbiltà ta’ iktar minn elezzjoni interna waħda. Dan hekk kif hu ċar li d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne, se jkun wieħed mill-kandidati għat-tmexxija.

Għalkemm Fearne mhux il-favorit ta’ Kastilja, hu l-favorit tal-Partit Laburista, tant li fil-jum tar-riżenja ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sospensjoni ta’ Chris Cardona, ħareġ minn Kastilja akkumpanjat mill-President u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

L-aħbar tal-bidu tal-preparamenti għall-elezzjoni interna toħroġ fl-istess jum li kandidata prosettiva oħra, Miriam Dalli, fuq il-midja soċjali tat indikazzjoni li hemm bżonn bidla fil-Partit Laburista waqt li kitbet li tinsab irrabjata u ttraduta.

Għalkemm m’għamlitx riferenza diretta għal dan, il-kummenti tagħha jaslu sigħat biss wara l-aħbarijiet li Joseph Muscat tilef il-fiduċja tal-Kabinett u li mistenni jirriżenja fost pressjoni interna qawwija.

Fl-isfond ta’ dan kollu, Joseph Muscat qed jipprova jsalva l-immaġni tiegħu. Storja li ppubblika lbieraħ is-sit LovinMalta, tiżvela kif il-mexxej Laburista għamel pressjoni fuq il-gazzetta It-Torċa biex illum tippubblika survey politiku.

Mistoqsi minn dan is-sit, ir-riċerkatur Vincent Marmara qal li dan l-istudju kien kummissjonat mill-gazzetta, u mhux minn Muscat. Madankollu LovinMalta kkwotat sorsi interni tal-Gvern li ddikjaraw li s-survey sar bi pressjoni minn Muscat direttament. Inews, il-portal tal-General Workers’ Union, ċaħad dan ukoll.

L-iskop ta’ Muscat jidher iktar ċar minn qatt qabel li jrid jitlaq mix-xena politika Maltija fl-istess waqt li jidher li għad għandu appoġġ tajjeb minn fost il-poplu, anke jekk internament dan l-appoġġ ma jeżistix.

Dan f’mossa oħra minn Muscat biex kemm jista’ jkun isaħħaħ u jipproteġi d-dehra tiegħu fi tmiem ġimgħa oħra li kompliet tixhed dellijiet koroh ħafna fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fost l-oħrajn, dan wara xhieda ġuramentata ta’ Yorgen Fenech li ddikjara li lest jikxef iktar affarijiet fil-konfront tal-eqreb nies ta’ Joseph Muscat, b’rabta mal-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kompliet tpoġġih f’qagħda mwegħra anke l-aħbar komunikata lill-membri tal-Kabinett mill-investigaturi: Keith Schembri pprova jikkonvinċi lil Yorgen Fenech biex iwaħħal kollox fl-eks Ministru Chris Cardona. Din l-aħbar ma ġietx miċħuda, kuntrarju għal stejjer oħra ppubblikati fl-aħħar jiem.

Din l-aħbar tant twemmnet minn Chris Cardona, li lbieraħ saħansitra spiċċa jitlob protezzjoni tal-Parlament fil-konfront ta’ dan il-frame up u hu wkoll jinnota li din l-aħbar qatt ma kienet miċħuda. L-istess nies Cardona stess, inkluż diversi mpjegati mlaħħqa, li xerrdu din l-aħbar u akkumpanjawha bil-kliem: “Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma.”

Yorgen Fenech mistenni jintalab jissostanzja l-allegazzjoni li Keith Schembri pprova jinfluwenzah biex iwaħħal kollox fi Chris Cardona. Ittra miktuba bl-idejn u li tixhed dan kienet diġa murija lill-membri tal-Kabinett waqt il-laqgħa li saret iktar kmieni din il-ġimgħa.