Internazzjonali

COP25: Taħditiet urġenti biex jindirizzaw il-kriżi tal-klima

Il-mexxejja politiċi u d-diplomatiċi involuti fil-ħidma għall-ħarsien tal-klima qegħdin jiltaqgħu fi Spanja għal ġimgħatejn taħditiet iddominati b’sens li l-klima tad-dinja qed tiffaċċja kriżi imminenti. It-taħditiet f’Madrid qed ikunu organizzati mill-Konferenza tal-Partiti – jew COP25 – u l-messaġġ ewlieni li se joħroġ hu li d-dinja  teħtieġ taħseb u taġixxi b’urġenza biex tiffaċċja kriżi tal-klima li laħqet livelli allarmanti. 

Fil-fatt, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, għamilha ċara, f’wieħed mill-ewwel diskorsi f’Madrid, li ‘id-dinja tinsab dejjem aktar qrib sitwazzjoni (relatata mal-klima) li minnha mhix se tkun tista’ iddur lura’. Qabel il-bidu tal-laqgħat, Guterres saħaq li l-mexxejja politiċi jeħtieġu jwieġbu għal din il-kriżi mingħajr aktar telf taż-żmien.

Sadanittant, il-grupp karitatevoli Save the Children qal li l-aħħar theżżiż għall-klima ħallew miljuni tan-nies jiffaċċjaw il-ġuh fl-Afrika. Il-kelliema għal din l-entità wissew li 33 miljuni ‘huma affettwati min-nuqqas tal-inċertezza relatata mal-ikel u li laħqet livelli ta’ emerġenza’ wara sensiela ta’ ċikluni u kundizzjonijiet ta’ nixfa.

It-temperaturi tad-dinja, bħala medja, qegħdin jiżdiedu b’ritmu mgħaġġel peress li l-attivitajiet tal-bnedmin qegħdin jipproduċu l-greenhouse gases ( fosthom CO2) li, fost oħrajn, wasslu għal konċentrazzjoni tas-sħana fl-atmosfera.

Is-COP25 suppost kellu jkun organizzat fiċ-Ċili iżda l-Gvern ta’ dan il-pajjiż ikkanċellah minħabba l-inkwiet ċivili li ilu għaddej il-ġimgħat f’Santiago u bliet oħrajn. Intant, Spanja, assumiet ir-responsabbiltà għal-laqgħat, b’aktar minn 29,000 mistennija jattendu għall-ġimgħatejn tat-taħditiet f’Madrid.

Il-laqgħat tal-COP25 qed jirrankaw il-pressjoni biex il-pajjiżi jżidu l-impenji, fuq livell nazzjonali, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-laqgħat qegħdin isiru wara li tliet rapporti tan-NU enfasizzaw l-urġenza li l-pajjiżi jagħmlu l-parti tagħhom biex jillimitaw l-effetti tal-bidliet fil-klima li huma ferm perikolużi għall-umanità.

Ikkummenta