Cagliari dawru żvantaġġ ta’ 3-1 biex kisbu rebħa drammatika ta’ 4-3 fis-Sardegna Arena f’logħba missielta u pjaċevoli. B’dan ir-riżultat, Cagliari laħqu lil Roma fir-raba’ post bi 28 punt filwaqt li Sampdoria baqgħu żewġ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni, f’logħba li żgur iħossuhom diżappuntati li ma rebħux.
FABIO QUAGLIARELLA fetaħ l-iskor favur Sampdoria fit-38 minuta minn penalty, ftit minuti wara li kellu xutt mill-isbaħ salvat b’titjira spettakolari ta’ Rafael. Sampdoria rduppjaw il-vantaġġ fit-52 b’passaġġ ta’ Quagliarella lejn GASTON RAMIREZ li skorja b’xutt minn pożizzjoni angolata.
Cagliari daħlu fil-logħba fid-69 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ RADJA NAINNGOLAN iżda ftit sekondi wara, reġa’ kien FABIO QUAGLIARELLA li b’xutt mill-ewwel fuq l-ewwel lasta għamel l-iskor 3-1. Madankollu Cagliari baqgħu jemmnu u JOAO PEDRO naqqas id-distakk fl-74 minuta, l-istess JOAO PEDRO ġab id-draw meta rċieva kross ta’ Nainngolan u għeleb lil Emil Audero.
Il-kowċ ta’ Cagliari Rolando Maran daħħal lil ALBERTO CERRI fit-92 minuta u kien proprju dan il-plejer li skorja l-gowl tar-rebħa fis-96 minuta meta għola tajjeb għal kross mix-xellug ta’ Luca Pellegrini u b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Audero.
//= $special ?>